Wednesday, April 24, 2024

DRITTIJIET TAL-BNIEDEM

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Jien wieħed minn dawk li trawmu fuq id-duttrina li għalija hi Gollista… għax mistqarra l-aktar mill-Ġeneral de Gaulle ta’ Franza (għandi żball dwar hekk?) li l-istati m’għandhomx jindaħlu fit-tmexxija ta’ stati sovrani oħra. Dejjem qbilt magħha.

Biss fl-Ewropa żviluppat prattika diplomatika li poġġiet bħala dutrina ċentrali għall-imġiba bejn il-ġnus il-prinċipju tar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem. Dan kien diġà ddaħħal fil-Karta li biha twaqqfu il-Ġnus Magħquda. Kien fl-Ewropa sa issa, li l-aktar ittieħed bis-serjetà. Sadattant, l-Istati Uniti donnhom baqgħu jqisu li l-prinċipju għandu japplika għal ħaddieħor, mhux għalihom.

Minnha nnifisha d-duttrina tfisser li l-indħil fit-tmexxija interna ta’ pajjiżi oħra se jitqawwa. Minnufih hawn jidħlu interessi konfliġġenti. Jekk se tinsisti fuq rispett totali lejn id-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa pereżempju, għaliex mhux l-istess fis-Sawdi Arabja?

“IMPARZJALI”?

Il-Knisja Kattolika f’Malta għandha b’kull dritt tingħata riokonoxximent tal-istituzzjoni nazzjonali li hi: waħda li tirrapreżenta lil ħafna fis-soċjetà li huma Kattoliċi. Lejha jinklinaw nies minn kull tendenza politika.

Ikun ibleh madankollu min jargumenta li l-Knisja hi… jew li l-mexxejja tagħha jafu jkunu… politikament newtrali. Jew imparzjali. F’sens partiġġjan.

Biex tkun hekk, il-Knisja trid turi ruħha konxja tal-fatt li ħafna mill-aġenti tagħha mhumiex imparzjali. Anzi, lesti juru fil-beraħ jew b’mod fin, il-ġibda partiġġjana tagħhom.

Temmen x’temmen dwar il-PL u l-gvern preżenti, bħala istituzzjoni li trid tkun imparzjali, wieħed jistenna tmexxija mill-Knsija Kattolika li ma tippermettix anke d-dehra ta’ konflitti ta’ interess fi ħdanha.

Dan japplika aktar u aktar f’karigi tal-Knisja li huma ġudizjarji jew kważi. Bl-ebda mod ma jidher li qatt ingħata xi ħsieb għal dan l-aspett.

ARGUMENT

Uħud se jqisu dal-punt kontroversjali. Xorta ta’ min jagħmlu. Min qed jibbenefika l-aktar mill-gwerra tal-Ukrajna? Żgur mhux l-Ukrajna. Iċ-ċittadini tagħha qed jinqatlu, il-bliet tagħha jitfarrku.

L-Ewropa qed ikollha tagħti kull appoġġ militari u ekonomiku lill-Ukrajna, waqt li tilqa’ għall-mewġa ta’ inflazzjoni li tista’ tagħmel ħerba mill-programmi ta’ modernizzazzjoni u ta’ lqugħ għat-tisħin tal-klima li qed tvara. M’hemm l-ebda benefiċċji f’dan.

Sadattant, l-istess Russja li telqet bil-gwerra, qed titlef eluf ta’ ċittadini maqtula u riżorsi meqruda waqt li tispiċċa dejjem aktar tiddependi miċ-Ċina. Biex turi saħħitha, ikollha tperper il-bandalora nukleari, hi u titlef l-alleati.

Il-benefiċċji huma l-aktar tal-Istati Uniti. Veru li qed jonfqu l-biljuni biex jarmaw lill-Ukrajna; imma d-dollari huma jistampawhom. Jinsabu fis-sitwazzjoni li waqt li l-“oħrajn” jehdew bil-ġlied fl-Ukrajna, huma jistgħu jikkonċentraw aktar fuq il-kompetizzjoni maċ-Ċina, logħba li saru jqisu bħala vitali għall-eġemonija globali tagħhom.

Sport