Thursday, January 30, 2025

Drittijiet tal-ħaddiema, Maltin u barranin

Aqra wkoll

Kif naħseb li taf bħalissa għaddej proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar dik li qed tissejjaħ ‘LABOUR MIGRATION POLICY’, li permezz tagħha l-Gvern qed jipproponi bidla fil-mod kif jiġu l-ħaddiema minn pajjiżi terzi. Naħseb il-punt tat-tluq huwa l-fatt li issa ilha għaddejja mhux ħażin kampanja li għal ħafna mill-ikrah li naraw f’pajjiżna nagħtuh it-timbru TORT TAL-BARRANIN. Fl-opinjoni tiegħi punt diskutibbli għall-aħħar.

Il-bidla li qed jipproponi l-Gvern f’dan ir-rigward hija bażata fuq tliet pilastri: Inħarsu d-DRITTIJIET tal-ħaddiema kollha; Iktar KONTROLL f’idejn l-awtoritajiet; Ħaddiema li jafu L-KULTURA MALTIJA.

Xtaqt li llum nitratta l-ewwel pilastru, Inħarsu d-DRITTIJIET tal-ħaddiema kollha, bl-enfasi nagħmilha fuq ħaddiema kollha. Iddeċidejt li nikteb fuq dan is-suġġett wara li smajt lill-Ministru għall-Intern, Sigurtà u Impjiegi Byron Camilleri fi programm radjufoniku ta’ diskussjoni jispjega b’kapaċità it-tliet pilastri li semmejt.

Il-Ministru Camilleri rrefera għal ħafna minn dak magħruf: sfruttament ta’ ħafna ħaddiema barranin tista’ tgħid f’kull qasam tax-xogħol. Ġustament sejjaħlu abbuż. Sfruttament rifless f’kundizzjonijiet ta’ xogħol inferjuri, fosthom pagi, jiem ta’ btajjel u rati ta’ ħlas għal sahra, meta paragunati ma’ dawk li jgawdu ħaddiema Maltin u Għawdxin għall-istess xogħol. Diskriminazzjoni u inġustizzji galore.

Din diġà hija inġustizzja gwappa. Li naħseb li sabet forma ta’ tolleranza bażata fil-fatt li dawk milqutin huma l-aktar ta’ ġilda sewda miżjud mal-mod kif dawn sabu ruħhom f’pajjiżna. Hemm ukoll dawk, li minnhom hawn bosta, li ġejjin minn postijiet imbegħda li l-livell ta’ għixien f’pajjiżhom huwa inferjuri għal dak tagħna. Maż-żmien tali inġustizzja, la darba indrat u li qisha kienet ġiet aċċettata minkejja li hija tal-mistħija, bdiet bil-mod il-mod tintuża fil-konfront ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin. Fis-sens li meta l-ħaddiema Maltin u Għawdxin bdew perjodikament jippretendu titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom mhux l-ewwel darba u tnejn ġew iffaċċjati b’theddida, anke jekk mhux daqshekk fina: b’li qegħdin titolbu, għal kull wieħed minnkom nista’ inħaddem tnejn jekk mhux tliet barranin. Smajna wkoll ħaddiema Maltin u Għawdxin jilmentaw li fejn jirrigwarda sahra riedu jħallsuhom bir-rata ta’ siegħa siegħa u mhux aktar bir-rata ta’ siegħa siegħa u nofs, kif aħna ġustament imdorrijin bihom. Dawn fuq postijiet tax-xogħol fejn sfortunatament il-ħaddiem m’għarafx jingħaqad ma’ xi union tal-ħaddiema.

Mhux l-ewwel darba li ltqajt ma’ sistema oħra li fiha nnifisha hija, fl-opinjoni tiegħi, diskriminatorja. Qed nirreferi għas-sistema fejn isiru kuntratti ta’ xogħol differenti ma’ ħaddiema fuq bażi individwali minkejja li jkunu qegħdin jagħmlu l-istess xogħol. Ovvjament l-individwu jżomm ħalqu magħluq ma’ sħabu l-oħrajn fuq l-istess lant tax-xogħol, anke jekk l-individwu nnifsu ma jkunx jaf jekk il-kundizzjonijiet li ngħataw ħaddiema oħrajn ikunux aħjar minn tiegħu jew le.
Lok għal abbuż narah ukoll fuq livell governattiv. Eżempju tipiku huwa trasferiment ta’ ħaddiema minn xogħol għal ieħor, jew minn post tax-xogħol għal ieħor bir-‘raġuni’ li tingħata tkun ‘l-esiġenzi tas-servizz’. U min jiddeċiedi x’ikunu l-‘esiġenzi tas-servizz’? Fuq liema kriterju titkejjel ‘l hekk imsejħa ‘esiġenza tas-servizz’? F’ċaqliq bħal dan ikun ikkunsidrat kif se jkun effettwat l-individwu konċernat? Fl-‘esiġenzi tas-servizz’ jista’ jkun hemm moħbi t-twemmin politiku tal-individwu peress li t-trasferiment jista’ jkun kemm għat-tajjeb kif ukoll għall-ħażin? Tgħidlix li stejjer bħal dawn qatt ma smajthom għax ilhom jissemmew minn żmien Ulied in-Nanna Venut.

Lura għal dak li bdejt bih, il-Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Labour Migration Policy. Int mistieden tagħti l-veduti tiegħek dwar dan sa nhar id-9 ta’ Frar 2025 fuq publicconsultation.gov.mt.

[email protected]

Il-pjaga tad-droga

Għandi diversi ħbieb tiegħi li membri tal-familja tagħhom spiċċaw vittmi tal-misħut vizzju tad-droga. Vizzju li ilu magħna snin ferm u ferm twal u li dejjem ‘jirfina’ u jiggrava. Kontrih m’għandu garanzija ħadd. Il-mibki imma qatt minsi ħabib tiegħi Charles Miceli, li għadda snin twal jaħdem ma’ vittmi bħal dawn, min jaf kemm irrakkuntali stejjer tal-biki. Ikun żbaljat min jaqbad u jasal għal konklużjonijiet dwar x’wassal biex persuna tispiċċa f’dan il-vizzju. Kull persuna huwa storja differenti. Il-ħasra hi li jsir kemm isir xogħol fil-konfront ta’ pjaga bħal din QATT m’int se tirbaħha, imma sadattant ikun ĦAŻIN FERM li tieqaf mill-ġlieda. Il-ġlieda kontriha trid tkompli.

Pjaga oħra konnessa ma’ din l-istess pjaga hija meta jkun hemm min jipprova jippolitiċizzaha. Ikun min ikun. Żball kardinali kull meta jsir hekk. Niftakar li darba kien hemm politiku ewlieni f’pajjiżna li qal li l-ġlieda kien qed jirbaħha u se jelgħibha. Pront kien wieġeb Mons. Victor Grech, li għomru kollu f’din il-problema, u qal li dik kienet dikjarazzjoni żbaljata.

Ġew quddiem għajnejja dawn l-affarijiet wara li fil-jiem li għaddew ħabib antik tiegħi għaddhieli parti minn fuljett li toħroġ kull tliet xhur is-Soċjetà tal-MUSEUM bl-isem IL-PAĊI MAGĦKOM. Nislet kelma b’kelma x’kellu xi jgħid dan il-fuljett dwar dan is-suġġett fil-ħarġa ta’ Marzu 2005.

“Malta u l-Eroina – F’Novembru 2004 kellna aħbar xejn sabiħa: Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ użu tad-droga eroina fl-Ewropa, flimkien mad-Danimarka, il-Lussemburgu, il-Portugall, l-Italja u r-Renju Unit, b’rata ta’ bejn sitta u għaxar każi għal kull elf ruħ. Dan hu kważi d-doppju tar-rata li nsibu fl-Olanda, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Polonja u l-Finlandja.

“Dawn l-aħħar xhur kellna wkoll ħafna qabdiet kbar ta’ droga min-naħa tal-Pulizija. Filwaqt li nieħdu gost li l-Pulizija jkollha dawn is-suċċessi, dawn ifissru li l-pjaga tad-droga hi waħda kbira. It-teħid tad-droga jfisser, qabel xejn, il-vojt li għandhom numru konsiderevoli taż-żgħażagħ tagħna f’Malta u Għawdex. Hi sitwazzjoni li tħasseb lil min għandu għal qalbu l-futur tal-poplu tagħna.

“Għandna ħafna aġenziji li qed jagħmlu xogħol straordinarju fejn tidħol id-droga, imma x-xogħol il-kbir irid isir fi ħdan il-familja. Hemm iridu jiġu kultivati l-valuri li jimlew liż-żgħażagħ tagħna b’sens ta’ dover, b’imħabba għall-oħrajn u b’ġibda għall-ħajja.”

Għaddew kważi 20 sena minn dan li kkwotajt u ma naħsibx li nkun żbaljat jekk ngħid li ħafna minnu għadu japplika għaż-żminijiet tal-lum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport