Tqajmu ilħna fl-Ewropa li jgħidu: Żviluppajna hawn sensiela ta’ protezzjonijiet għaċ-ċittadini kollha li bihom jistgħu jsostnu d-drittijiet tagħhom bħala bnedmin li jixirqilhom jgħixu ħajja tajba. Għamilna tajjeb. Aktar u aktar liġijiet qed jiġu inforzati biex jiżguraw li ħadd ma jkun soġġett għal xi forma ta’ diskriminazzjoni. Kulħadd għandu jkollu l-opportunajiet xierqa biex jikseb il-ħiliet li bihom isostni l-għajxien.
L-istess ilħna jkomplu hekk: Madankollu, ħallejna l-emfażi jaqa’ wisq fuq id-drittijiet. Magħhom għandhom jiġu assoċjati d-dmirijiet taċ-ċittadini lejn il-komunità fejn jgħixu u dmirijiet oħra lejn iċ-ċittadini. Dan sar impenn minsi. Drittijiet u dmirijiet għandhom jiġu assoċjati ma’ xulxin bla waqfien.
It-tweġiba ta’ ilħna oħrajn għal dan l-argument hu li mhux minnu li d-drittijiet li jippromwovu l-Ewropej, qed jitwettqu daqs kemm jgħidu. Biżżejjed wieħed jifli l-inugwaljanzi soċjali li baqgħu jeżistu u anke jiżdiedu biex jifhem dil-ħaġa.
Id-dibattitu fuq das-suġġett hu wieħed importanti. Beda jirrombla anke f’Malta. Hu dibattitu li ta’ min wieħed isegwih.
SUSSIDJI FUQ L-ENERĠIJA
Il-gvern Malti jinsisti li s-sussidji fuq l-enerġija għandhom jibqgħu jinżammu għaddejja għal kulħadd għax b’hekk titwettaq ġustizzja soċjali, waqt li l-ekonomija tinżamm kompetittiva. Qed jgħid, u dan hu minnu, li għandu r-riżorsi biex iżomm din l-inizjattiva għaddejja.
Il-kritiċi fuq dal-punt igħidu li s-sussidji messhom jintużaw biss għal dawk li jeħteġuhom biex isostnu l-kwalità tal-għajxien tagħhom. Ekonomikament, il-produzzjoni Maltija qed tiddarra topera billi tirkeb fuq is-sussidji. Soċjalment, bihom qed jintefqu fondi kbar fuq min diġà qed ipappiha tajjeb, meta l-istess fondi setgħu jintużaw minflok fuq għajnuniet soċjali jew investiment. Fost min jargumenta hekk insibu l-esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali, tal-Kummissjoni Ewropea u ekonomisti Maltin.
Maż-żmien, dil-kritika qed issir aktar valida.
FI FRANZA
Min japprezza ċ-ċiviltà, l-ħajja u l-kultura ta’ Franza ma jistax ma jħossux imdejjaq bil-qagħda preżenti tal-governanza tagħha. Waqt li d-defiċit fil-kontijiet tal-gvern baqa’ jikber, id-diżgwid politiku sar jixbah l-agħar mumenti tar-Raba’ Republika. Għaliex l-affarijiet spiċċaw hekk?
Hi ħaġa ta’ min jistenniha li l-politikanti kollha jiġu mtebbgħa bil-ħtija għal kull ma qed jiġri. Messhom ħadu miżuri fil-ħin biex iwaqqfu t-taħsir li kien għaddej. Faċli tgħidha dil-ħaġa, kif setgħet twettqet mhux daqshekk ċar.
Għax jista’ jkun li s-soċjetà Franċiża żviluppat b’mod li l-affarijiet bilfors kellhom jieħdu x-xejra li ħadu, indipendenti minn min kienu/huma l-politiċi involuti. Ħlief għall-President Macron innifsu. Għaraf mill-bidu d-dwejjaq tal-Franċiżi, u kif u għaliex tqanqal, webbilhom li kien jaf kif se jmexxihom lejn ħajja aħjar, mentri l-viżjoni tiegħu baqgħet dik ta’ bankier.