Fil‑Knisja Parrokkjali taż‑Żejtun il‑Ġimgħa filgħaxija Dun Anġ Seychell, wara mewtu, ġie mogħti l‑Premju Mons. Mikiel Azzopardi għal din is-sena għall‑kontribut kbir tiegħu fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità. Dan tħabbar minn Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, waqt il‑kunċert annwali mill‑banda tal‑Forzi Armati ta’ Malta. Dun Anġ kien saċerdot Żejtuni li ddedika ħajtu għall‑oħrajn b’mod speċjali għall‑persuni b’diżabilità li tant kien jirrispetta li saħansittra offra daru stess biex jgħixu fiha. Bit‑twaqqif ta’ Fondazzjoni Nazareth, Dun Anġ assigura li s‑servizzi residenzjali li beda joffri jibqgħu jiġu offruti fis‑snin li ġejjin.
Il‑premju Mons. Mikiel Azzopardi kien ippreżentat minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna lil Ms. Muriel Grech, Direttur għall‑Proġetti Kapitali fil‑Fondazzjoni Nazareth wara li Etienne Schembri, preżentatur tas‑serata imma wkoll Direttur Amministrattiv tal‑Fondazzjoni qara l‑bijografija ta’ Dun Anġ.
Aktar kmieni, Fr Martin qal li ninsabu fuq l‑għatba ta’ sena ġdida, sena li fiha d‑Dar tal‑Providenza se tkun qed tiċċelebra s‑sittin sena mit‑twaqqif tagħha. Ninsabu wkoll fuq l‑għatba tal‑Ġublew tat‑Tama. Fil‑bolla tal‑Indizzjoni għall‑Ġublew 2025, Papa Franġisku jsejjaħ opri soċjali bħad‑Dar tal‑Providenza, opri ta’ tama. Hu jiddefinixxi s‑servizzi inklużivi li jingħataw minn dawn l‑istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet bħala, “innu lid‑dinjità umana, għanja ta’ tama.”
Fr Martin kompla jgħid li filwaqt li nħarsu lura lejn dawn is‑sittin sena ta’ ħidma tad‑Dar tal‑Providenza, bħala soċjetà, bħala Knisja u bħala individwi nistgħu vemanent ngħidu li d‑Dar kienet, għada u nittammaw li tibqa’, “innu lid‑dinjità umana, għanja ta’ tama.” Tul dawn is‑sittin sena d‑Dar tal‑Providenza offriet tama lil madwar 270 persuna b’diżabilità billi offritilhom residenza, f’ambjent jixbaħ lil ta’ familja, ambjent sikur u fuq kollox ambjent li jirrispetta d‑dinjità u d‑drittijiet tagħhom.
Fr Martin temm jgħid li d‑Dar offriet u għada toffri tama mhux biss lil dawk li jeħtieġu residenza permanenti imma wkoll lil dawk il‑persuni b’diżabilità u l‑familjari tagħhom li jeħtieġu s‑servizz ta’ respite, fost servizzi oħra. Jalla l‑Ġublew tat‑Tama jkompli jimliena bil‑ħeġġa biex fis‑snin li ġejjin inkomplu, kif jgħid Papa Franġisku, “niftħu beraħ b’ġenerożità l‑bibien tal‑akkoljenza, biex lil ħadd qatt ma tonqsu t‑tama ta’ ħajja aħjar.”
Matul il‑kunċert, li kien taħt id‑direzzjoni tas‑Surmast u Direttur Mużikali, il‑Maġġur Jonathan Borg, indaqqu xogħlijiet vokali u strumentali ta’ kompożituri magħrufa barranin flimkien ma’ siltiet tal‑kompożituri Maltin Tano Monseigneur, Ray Magri u Ssgt Gilbert Camilleri li kkompona s‑silta ‘Refuġju’ b’dedika lil Staff Sergeant Tony Lautier li miet f’Settembru li għadda fl‑età ta’ 60 sena. F’mument emozjonanti Ssgt Camilleri ppreżenta lis‑Sinjura Lautier, il‑partitura ta’ ‘Refuġju’ flimkien ma’ tifkira tar‑raġel tagħha.
Wara l‑preżentazzjoni ta’ tifkiriet lil uħud minn dawk li taw sehemhom, Mons. Arċisqof għamel diskors qasir li fih fakkar u faħħar il‑ħidma fejjieda ta’ Dun Anġ Seychell fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità. Fakkar ukoll fil‑ħidma tad‑Dar tal‑Providenza tul dawn l‑aħħar sittin sena u ħeġġeġ lill‑poplu Malti u Għawdxi biex fil‑Festa ta’ Ġenerożità tal‑ewwel tas‑sena jerġa jagħti l‑appoġġ finanzjarju tiegħu bħalma dejjem għamel fl‑imgħoddi.