Il-Konferenza Episkopali Maltija ħatret lil Dun Dr Carl-Mario Sultana bħala Delegat
għall-Edukazzjoni Reliġjuża.
Dun Dr Carl-Mario Sultana studja fl-Università ta’ Malta u fl-Università Pontifiċja
Salesjana f’Ruma fejn speċjaliżża fil-Pastorali maż-Żgħażagħ u l-Kateketika. Huwa
lettur anzjan fil-Fakultà tat-Teoloġija fi ħdan l-Università ta’ Malta u ilu jgħallem
l-Edukazzjoni Reliġjuża u l-Kateketika mill-2007. Fl-2017 nħatar Kap tad-Dipartiment tat-Teoloġija Pastorali, Liturġija u Liġi Kanonika fl-istess Fakultà.
Il-missjoni tad-Delegat għall-Edukazzjoni Reliġjuża tkopri dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Edukazzjoni Reliġjuża bħala suġġett li jiġi mgħallem fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti. Flimkien mal-Uffiċjali Edukattivi għat-Tagħlim tar-Reliġjon fi ħdan
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, id-Delegat għall-Edukazzjoni Reliġjuża jfassal u jħejji
programmi ta’ tagħlim u sillabi biex jiġu mgħallma fl-iskejjel u jingħata taħriġ
speċjalizzat lill-għalliema tar-Reliġjon biex dan it-tagħlim jibqa’ jingħata bl-aħjar mod possibbli.