Il-President ta’ Malta George Vella qal li l-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena huwa ċertifikat prestiġjuż li jixhed il-bżulija u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema tagħna.
“Huwa tassew sabiħ u importanti li niċċelebraw dawk l-individwi fostna li għandhom karattru bi kwalitajiet u ħiliet ta’ valur u ta’ ispirazzjoni. Il-ħaddiema, u x-xogħol li jagħmlu, jiffurmaw il-fus li fuqu tiġi bbażata s-soċjetà tagħna, is-sinsla tal-progress soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna,” qal il-President waqt iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali.
Waqt li feraħ lir-rebbieħa u n-nominati kollha tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena, il-President tkellem fuq kif ix-xogħol jgħin lill-bniedem jikber, jiskopri u jiżviluppa t-talenti u l-kapaċitajiet tiegħu. “Għalhekk aħna ngħidu li x-xogħol huwa s-salmura tal-ġisem, għaliex ħidmietna tagħtina sens aktar b’saħħtu t’identità u rwol produttiv f’kuntest soċjali aktar wiesa’,” stqarr il-President waqt li rrefera wkoll għat-tibdil kontinwu fir-realtà tal-ambjent tax-xogħol.
Il-President qal li rridu nżommu f’moħħna li l-ħaddiem huwa l-akbar riżorsa li għandha Malta. “Pajjiżna huwa mimli b’ħaddiema kompetenti u kapaċi, li lesti jagħmlu aktar milli huwa mistenni minnhom biex joffru servizz ta’ eċċellenza. Huwa importanti għalhekk li nagħrfu kif nieħdu ħsieb il-ħaddiema tagħna bl-aħjar mod possibbli,” qal il-President George Vella.
B’referenza għaż-żieda tal-ħaddiema barranin fostna u l-kontribut siewi li qed jagħtu fl-ekonomija, Dr Vella ħeġġeġ lil kulħadd biex jipprattika t-tolleranza meħtieġa u biex nippromwovu ambjent tax-xogħol iżjed inklussiv li jagħti d-dinjità mistħoqqa lil kulħadd.
Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, qal li dan il-premju jirrifletti kemm, anke f’dawn iż-żminijiet ta’ intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji diġitali, il-ħaddiem kien, għadu u jibqa’ l-pedament tas-suċċess ekonomiku Malti f’kull settur u kuntest.
Is-Segretarju Parlamentari tkellem dwar il-ħidma tal-Gvern dwar it-titjib fil-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, fosthom l-għotja tal-akbar żieda fil-paga minima għall-erba’ snin li ġejjin u t-tfassil ta’ sett liġijiet ġodda li jirregolaw l-aġenziji tax-xogħol, li jħaddmu magħhom eluf ta’ ħaddiema Maltin kif ukoll barranin. Dawn il-liġijiet il-ġodda se jkunu qed itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema.
Waqt li feraħ lill-parteċipanti kollha, is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern se jkompli jaħdem id f’id mal-imsieħba soċjali biex il-pajjiż jimxi lejn ekonomija aktar sostenibbli. Dr Ellul qal li l-Gvern se jkompli jaħdem favur il-mobbiltà soċjali, il-ġustizzja soċjali u l-inklużjoni soċjali.
Ir-rebbieħa huma:
- Premju Nazzjonali Ħaddiem/a tas-Sena – Dun Victor Grech
- Maniġer/Kap tas-Sena – Dr Renzo De Gabriele, imexxi l-Anzjanità Attivà u Kura fil-Komunità
- Tim tas-Sena – Direttorat għall-Kura tad-Dimensja
- Organizzazzjoni li tippromwovi l-bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja privata – Multivend Services Limited
- Premju għall-aħjar Imprenditriċi/Imprenditur – Jacques Scerri, Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Centro Casalinga
- Premju għall-aktar Mexxej/ja Żagħżugħ/a Ispiranti – Dr Geraldine Spiteri Lucas, CEO Malta Business Registry
- Premju għall-aktar Kumpanija li tippromwovi r-Responsabbiltà Soċjali – Fondazzjoni Nazareth
- Premju għall-aktar Organizzazzjoni Inklussiva – Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta
- Premju ta’ lifetime achievement – Albert Marshall