National Lottery plc u l-Għaqda Ġurnalisti Sports, bi pjaċir iħabbru li Duncan Micallef rebaħ ir-raba’ unur tal-IZIBET Elite Athlete Award li jkopri x-xhur ta’ Lulju u Awwissu 2024.
Nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Awwissu, is-sewwieq Malti tad-Drag Racing Duncan Micallef ġie kkonfermat bħala l-aktar sewwieq veloċi fl-Ewropa fit-tielet rawnd tal-FIA European Drag Racing Championship li sar f’Tierp l-Iżvezja. Micallef kiser ir-rekord tiegħu, waqqaf rekord Ewropew ġdid ta’ 3.79 sekondi kif ukoll waqqaf rekord Ewropew b’veloċità ta’ 321.4 mili fis-siegħa. Duncan Micallef Micallef baqa’ jokkupa l-ewwel post tal-kampjonat sa qabel l-aħħar tellieqa, fejn spiċċa fit-tieni post b’erba’punti biss wara s-sewwieqa Żvizzera Jndia Erbacher.
Franco de Gabriele, Chief Commercial Officer ta’ IZI Group kellu kliem ta’ tifħir dwar il-prestazzjoni straordinarja ta’ Duncan Micallef. “Inħossuna privileġġjati li qed nagħtu l-appoġġ tagħna lil Duncan li kompla jikteb l-istorja fl-FIA Top Duel Drag Racing Class. Huwa ta’ pjaċir kbir li ningħaqdu ma’ atleti li jiksbu rekords internazzjonali bħal dak Ewropew li kiseb Duncan fi Tierp, fl-Iżvezja. Nawguraw lil Duncan kull success għall-futur.”
Min-naħa tiegħu, Clinton Buhagiar, President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports qal, “Il-motorsport, partikolarment Duncan Micallef ilu għal dawn l-aħħar snin itejjeb il-livell tiegħu u saħansitra jikser rekords barra mill-pajjiż. Miniex sorpriż li s-sagrifiċju ta’ Micallef qed jerġa’ jwassal għal suċċessi kbar u ta’ dan, aħna bħala Għaqda Ġurnalisti Sport qed nirrikonoxxuh permezz ta’ dan l-unur.”
Il-għan tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali kull xahrejn.
Il-bord tal-għażla huwa magħmul minn ġurnalisti u osservaturi sportivi li se jkunu qed jevalwaw bir-reqqa il-kisbiet tal-atleti matul ix-xhur u jassiguraw li jkun hemm il-korretezza matul il-proċess kollu tal-għażla.
Ir-regolamenti tal-IZIBET Elite Athlete Award jistgħu jinkisbu minn fuq il-website tal-Għaqda Ġurnalisti Sports https://www.maltasportsjournalists.com/