Saturday, December 21, 2024

Dune jkompli jiddomina

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa li għadda, l-Amerikani kellhom l-opportunità li jiċċelebraw Halloween u jidher li ppreferew iduru fit-toroq iħabbtu fuq il-bibien u min jiftħilhom jgħidulu “trick-or-treat” jew imorru f’parties lebsin il-kostumi.  Dan għax żewġ films tal-biża’ li ħarġu għall-wiri fit-teatri Amerikani, ma tantx kellhom ftuħ tajjeb.  Qed nirreferi għal “Antlers” u “Last Night in Soho”.  Ebda wieħed minhom ma daħal ma’ l-aħjar ħamsa ta’ tmiem il-ġimgħa.

Minflok films tal-orrur ġodda, l-udjenza Amerikana ippreferaw jaraw tnejn oħra li ilhom ftit magħna: “Halloween Kills” (li spiċċa fit-tieni post) u “Venom: Let There Be Carnage” (li okkupa l-ħames post).

Il-film li baqa’ jiddomina l-box office Amerikana għat-tieni ġimgħa konsekuttiva kien “Dune”.  Il-ġimgħa l-oħra, għamilt il-mistoqsija jekk “Dune” huwiex ser ikollu t-tieni parti.  Minħabba s-suċċess li qed jikseb fejn mill-pajjiżi kollha fejn ħareġ diġa kellu dħul ta’ $300 miljun, ġie kkonfermat li t-tieni parti ta’ “Dune” ser tinħadem u mistennija tkun fit-teatri fl-2023.

Fit-tielet post tal-box office Amerikana nsibu “No Time To Die”.  Mill-pajjiżi kollha fejn ħareġ, id-dħul hu ta’ $600 miljun.

L-uniku film ġdid ma’ l-aqwa ħamsa fil-box office Amerikana kienb’sorpriża “My hero Academia: World Heroes’ Mission”.

Last Night In Soho

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Edgar Wright, “Last Night in Soho” hu psychological thriller.

Eloise (Thomasin MacKenzie) tkun studenta li tixtieq karriera bħalha disinjatriċi tal-moda.  Hi ukoll tfajla ossessjonata b’Londra tas-sittinijat.  Hi tikri appartament mingħand Mrs Collins (Diana Rigg li ħallietna f’Settembru tas-sena l-oħra).  Eloise għandha xi ħaġa partikolari:  il-ħames sensi tagħha kapaċi jieħdu aktar tagħrif milli l-moħħ ikun kapaċi jipproċessa – dik li tissejjaħ ‘sensory overload’.  

Il-viżjonijiet li jibda jkollha bil-lejl ikunu biss ħolm?  Eloise issib ruħha fil-ħajja ta’ Sandie (Anya Taylor-Joy), li fis-snin 60 ikollha l-ambizzjoni li ssir kantanta, żeffiena u attriċi.  Il-ħolm ta’ Sandie jidhru li jsiru realtà meta tiltaqa’ ma’ wieħed li jkun manager li jista’ jintroduċiha man-nies influwenti f’din l-industrija.  U hekk Eloise tinġarr f’din l-avventura ta’ imħabba u ħolm, fejn mhux kull ma jleqq hu deheb.  Eloise tadotta lil Sandie bħalha r-role model tagħha, anke meta l-affarijiet jieħdu xejra mhux mistennija.

Ma tistax tgħid li d-direttur Wright ma jissellifx xi ideat mill-films tal-orrur Ingliżi li kienu jinħadmu mill-kumpanija Hammer imma jadatta dawn l-ideat għax-xewqat tal-udjenza kontemporanja.

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat 18 (għandhom jarawh persuni li huma ’l fuq minn 18-il sena) minħabba xeni ta’ vjolenza qawwija u mdemmija.

Black and Blue

Dan hu action thriller fejn jitratta għal darba is-suġġett tal-korruzzjoni fost il-pulizija Amerikana.  

Fuq dan is-suġġett rajna diversi films.  Kellna bosta li kienu tajbin ħafna, fosthom il-klassiku “Serpico” u aktar riċenti “Training Day”.  “Black and Blue” mhux fil-livell tagħhom imma l-interpritazzjoni tajba ta’ Naomie Harris fil-parti tal-pulizija, Alicia West issalva dan il-film.  Alicia tkun serviet ukoll fl-armata Amerikana.

Id-direttur Deon Taylor mill-ewwel jistabilixxi li qalb il-pulizija ta’ New Orleans hemm element qawwi ta’ korruzzjoni u li ma tista’ tafda lil ħadd minn sħabha.  Alicia tiddistingwi ruħha għal mod sod kif iżżomm il-valuri tagħha f’kull xena.

Il-qofol tal-istorja tibda meta darba minn jedda tidħol għal double shift ma’ pulizija ieħor li jismu Brown (James Moses Black).  Huwa jieqaf ħdejn binja abbandunata.  Jordnalha biex tibqa’ barra fil-karozza tas-servizz.  Brown jidħol fil-binja u ftit wara Alicia tisma’ żewġ tiri.  Alicia tidħol fil-binja, liebsa body camera u tara lid-detektiv Terry Malone (Frank Grillo), fil-kumpanija ta’ Brown u ta’ pulizija ieħor Smitty (Beau Knapp) qed joqtlu traffikant tad-droga kiesaħ u biered.  

Meta jintebħu li Alicia West kienet qegħda tosservhom u tirrekordjhom, Smitty jisparalha.  Alicia taqa’ u minkejja li tkun feruta jirnexxilha taħrab.  Il-pulizija l-oħra, u magħhom jingħaqdu aktar pulizija jibdew tfittxija ntensiva għaliha.  Dawn il-pulizija mhux jgħinuha jridu imma riedu l-body camera bil-filmat li tinkriminhom. 

Donnu kulħadd hu kontriha, nkluż is-sieħeb tagħha fil-korp Kevin (Reid Scott).  L-unika persuna li għall-ewwel b’mod ristrett ħafna, kien lest li jgħinha ikun Milo Jackson (Tyrese Gibson), wieħed li jaħdem fi store.

Is-sitwazzjoni taggrava aktar għal Alicia West meta d-detektiv qattiel u korrott Malone jimmanipula lill-baruni tad-droga Darius (Mike Colter), li kienet Alicia West li qatlet in-neputi ta’ Darius.

Il-camerawork tal-veteran Dante Spinotti hu effettiv.  Spinotti kien ukoll responsabbli għall-iffilmjar ta’ films bħal “L.A. Confidential” “The Insider” u “Heat”.  L-istil tiegħu mill-ewwel tgħarrfu.

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat 15 (għandhom jarawh persuni li huma ’l fuq minn 15-il sena) minħabba xeni ta’ vjolenza u l-lingwaġġ li jintuża.

Ekonomija

Sport