Tuesday, December 24, 2024

DWAR SPTARIJIET

Aqra wkoll

Waqt li l-ħamba dwar il-każ tat-tliet sptarijiet kompliet tiżviluppa, ħaġa baqgħet tgħaġġibni. Ma smajt l-ebda kumment dwar kif l-isptarijiet f’Malta donnhom jattiraw lejhom iż-“żunżan” minn barra biex jaraw kif jibbenefikaw b’modi xejn sbieħ mill-fondi publiċi ta’ pajjiżna, imħallsa mit-taxxi tal-poplu Malti. Għax il-każ tal-lum mhuwiex l-uniku wieħed fl-istorja riċenti.

Wieħed li kien gravi daqsu, ġara matul is-snin disgħin tas-seklu l-ieħor. Kellu x’jaqsam ma’ kif telaq il-proġett tal-bini li llum jissejjaħ l-isptar Mater Dei. Dak kellu jkun sptar patroċinat mill-istitut San Raffaele ta’ Milan li kien immexxi minn qassis jismu don Verze. Il-qdusija tiegħu kienet garantita mill-aqwa personalitajiet f’Malta inkluż il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien.

Il-proġett kien fażull mill-bidu sal-aħħar. Jien kelli laqgħa waħda ma’ dal-qassis u mill-ewwel qtajtu bħala persuna li xejn ma tista’ tafdaha. Il-gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien bil-maqlub. Il-korruzzjoni u l-falsifikazzjoni għaddejja fuq il-proġett kienu tal-waħx. Dwar hekk, ħadd ma ftakar. Uħud mill-predikaturi dwar l-iskandlu tal-lum kienu dak iż-żmien sostenituri jekk mhux parteċipi fil-“proġett” ta’ San Raffaele.

L-“ESTABLISHMENT”

Naqset il-frekwenza fl-użu tal-kelma “establishment” fid-diskors politiku, forsi għax tqies li ma baqagħliex siwi fil-battibekki kontroversjali ta’ kuljum. Biss, ara ma nikkonkludux li l-kelma mhux tassew tirreferi għal realtà li tinsab magħna, kif dejjem kienet.

Jeżistu gruppi stabbiliti (l-aktar b’mod informali) li bir-rabtiet personali li wirtu jew stabbilew bejniethom, għandhom kollha l-istess fehmiet, perspettivi u interessi. Ħafna minn dawn ir-rabtiet huma iqisuhom bħala “naturali”, anke awtomatiċi. Iwassluhom biex fl-oqsma ewlenin tat-tmexxija nazzjonali – minn ġustizzja, sat-tmexxija ekonomika, appoġġi morali u soċjali, u m’hemmx għalfejn ngħidu politika – twassalhom biex jiġbdu l-istess ħabel. Għal dan kollu, qatt ma kien hemm bżonn ta’ xi statut.

Faċli tiddikjara li l-establishment ma jeżistix. Jibqa’ żball li tinjora l-eżistenza tiegħu.

PJAN

F’Malta għadna niddieħku bl-idea ta’ pjan ekonomiku u soċjali estensiv dwar il-miri nazzjonali. Allura minflok, erħilna jew ninsistu li fiċ-ċirkostanzi li jeżistu mad-dinja kollha m’hemmx lok serju għall-ippjanar, jew infaqqsu pjani vagi f’setturi differenti li rari jorbtu ma’ xulxin biex imbagħad ninjorawhom.

Fiċ-Ċina mhux hekk. Għadhom jemmnu fil-pjani, għalkemm mhux bħal qabel, b’qafas fejn kollox jiġi deċiż mill-partit li jmexxi l-istat.

L-aħħar pjan Ċiniż, maqbul ix-xahar li għadda mill-kumitat ċentrali tal-Partit Komunista Ċiniż, għal kif il-pajjiż (li issa sar it-tieni l-aqwa ekonomija tad-dinja globalizzata) hu impressjonanti. Ta’ min wieħed jiflih fid-dettall. Il-fatt li ċ-Ċina titmexxa politikament b’sistema li mhijiex u m’għandhiex tkun tagħna, ma jfissirx li l-pjan Ċiniż ma jixraqlux studju.

Ekonomija

Sport