Monday, November 18, 2024

Dylan Cachia jkompli b’rebħa oħra fil-Kampjonati tal-Għawm Garmin BSJ Open Water

Aqra wkoll

Frisk minn żewġ rekords nazzjonali fil-Kampjonati tal-Għawm li saru fi tmiem il-ġimgħa, Dylan Cachia, saħħaħ l-pożizzjoni tiegħu bħala l-għawwiem li wieħed għandu jegħleb fil-Kampjonati tal-Għawm Garmin BSJ Open Water organizzati minn Birkirkara San Ġużepp Sports Club.

Cachia għal darb’oħra kompla jistabilixxi l-pass tiegħu biex kiseb ir-raba’ rebħa konsekuttiva tal-kampjonati, b’distakk ta’ kważi tliet minuti fuq Tristan Micallef li temm fit-tieni post. Distakk simili kien irreġistrat bejn Micallef u Vitelio Rodriguez li daħal fit-tielet post.

Fil-kategorija femminili, Roanna Farrugia rritornat fuq il-podju bħala r-rebbieħa tal-għawma taż-żewġ kilometri filwaqt li Felicienne Mercieca u Rosalia Segarra daħlu fit-tieni u fit-tielet post rispettivament. 

Il-ħames tellieqa tal-kampjonati hija skedata li ssir nhar l-Erbgħa, 3 ta’ Awwissu, u se tinkludi distanza ta’ 4km għall-għawwiema li ma jistgħux ikunu preżenti għall-għawma ta’ 4km, fl-24 ta’ Awwissu. 

Din it-tellieqa hija rekwiżita għall-għawwiema li qed jippjanaw li jieħdu sehem fit-tlielaq tal-Garmin Malta – Gozo – Malta u Garmin Gozo – Malta f’Settembru. 

L-uniku għan tal-4km tat-3 ta’ Awwissu huwa li jinkiseb ħin ta’ kwalifika għal dawn it-tlielaq fil-fliegu bejn Malta u Għawdex, u  mhux se jiġi kkunsidrat għall-klassifikazzjoni finali tal-Kampjonati tal-Għawm Open Water. 

Il-Kampjonatital-Għawm Garmin BSJ Open Water qed isiru taħt l-awspici tal-Aquatic Sports Association of Malta.

Ir-reġistrazzjoni għal Race 5 hija online – https://bsj.mt/event/2022-garmin-bsj-open-water-swimming-championships-race-5/

Ekonomija

Sport