Sunday, November 10, 2024

Dylan Cachia, Martina Micallef iddikjarati champions nazzjonali tal-Għawm Open Water

Aqra wkoll

Birkirkara St Joseph Sports Club ospita l-aħħar tellieqa tal-Kampjonati Tal-Għawm Open Water fis-Salina l-Erbgħa wara nofsinhar. It-tiġrija 2k għalqet il-Kampjonati Nazzjonali li kienu jikkonsistu f’ħames tiġrijiet ta’ 2 kilometri u tiġrija ta’ 4 kilometri. Il-Kampjonati servew ukoll bħala kwalifikazzjoni għall-għawwiema li għandhom l-għan li jikkompetu fl-għawma fil-fliegu, Garmin Malta – Għawdex – Malta u Garmin Gozo – Malta li jsiru f’Settembru.

L-aħħar tellieqa tas-sensiela intrebħet minn Luca Vella. Hu kien segwit minn Tristan Micallef tul id-distanza kollha. Fit-tellieqa ta’ qabel tliet sekondi biss isseparaw lil Vella minn Micallef, madankollu fl-aħħar tiġrija tal-istaġun, Vella kien determinat li jassigura distakk ikbar fuq Micallef. Vella baqa fuq quddiem biex spiċċa l-ewwel, 26 sekonda distakk fuq Micallef. Fit-tielet post spiċċa Jonathan Sammut.

Intant, Roanna Farrugia u Martina Micallef kienu t-tnejn qed jikkompetu għal rebħa finali. Farrugia kien it-tielet għawwiema li ħarġet mill-baħar ukoll kienet l-ewwel għawwiema femminili. Micallef spiċċat fit-tieni post, erbgħa u għoxrin sekonda wara Farrugia. Iż-żewġ għawwiema kienu ilhom jimxu wara xulxin għal ħafna mill-istaġun. Fit-tielet post kienet Charlotte Spencer.

Kampjonati Nazzjonali

Ma kien hemm l-ebda dubju li l-wirjiet sodi u konsistenti ta’ Dylan Cachia matul l-istaġun kienu se jarawh jieħu it-titlu tal-Kampjonat Nazzjonali, wara li rebaħ it-tiġrijiet kollha tiegħu. Fit-tieni post Luca Vella wkoll ta wirjiet b’saħħithom, kif għamel ukoll Tristan Micallef. Mill-bidu tal-Kampjonati deher evidenti li dan it-trio aktarx kien ser jidher fuq il-podju finali.

It-titlu tal-kampjonat ta’ Martina Micallef kien riżultat ta’ kampanja miġġielda, partikolarment minħabba l-isfida li kellha ma’ Roanna Farrugia, iżda fl-aħħar kienet Micallef li rebħet l-ewwel titlu ta’ kampjonat tagħha. Lara Meli kienet it-tielet mara fuq il-podju. Meli ukoll tat wirja konsistenti.

Il-Membru tal-Kumitat tal- Birkirkara St.Joseph Sports Club,  Joseph Farrugia ppreżenta t-trofej lir-rebbieħa tat-Tlielaq kif ukoll lill-għawwiema li kklassifikaw fl-ewwel postijiet fil-Klassifikika Ġenerali. Ġew ippreżentati wkoll trofej lir-rebbieħa tal-Gruppi ta’ Età, l-iżgħar kien Giuseppe Borg ta’ tnax-il sena u l-ikbar atleta kien, Amand Veranneman,  ta’ tlieta u sebgħin sena.

“Staġun ieħor ta’ Open Water Swimming Championships wasal għal tmiemu b’mod sodisfaċenti. Huwa pożittiv ħafna li wieħed jara taħlita daqshekk tajba ta’ għawwiema żgħażagħ u veterani jieħdu sehem matul is-sajf. Nieħdu din l-opportunità biex nirringrazzjawhom,  lill-Clubs rispettivi tagħhom u naturalment lil Garmin Malta ilhom jappoġġaw it-tlielaq tagħna,” spjega Euchar Camilleri, Segretarju Ġenerali, Birkirkara St. Joseph Sports Club.

Il-Club se jorganizza l-għawm annwali tagħhom fil-fliegu nhar is-Sibt 17 ta’ Settembru meta jsiru il-kompetizzjonijiet tal-għawm Garmin Malta – Gozo – Malta u l-Garmin Gozo – Malta.

Sport