Sunday, May 5, 2024

AĠĠORNATA: raġel ta’ 41 sena isofri ġrieħi serji wara li karozza nħakmet min-nirien fil-Belt

Aqra wkoll

Mill-aħħar stħarriġ, irriżulta li n-nar oriġina minn karozza Vauxhall Insignia. Raġel ta’ 41 sena residenti Ta’ Xbiex instab mindud mal-art viċin l-istess karozza.

Fuq il-post tal-inċident issejħu l-membri mill-Explosive Ordinance Disposal tal-Forzi Armati ta’ Malta sabiex jiżguraw li ma hemm ebda periklu.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin filwaqt li l-Maġistrat tal-Għassa Dr Yana Micallef Stafrace ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

Persuni li nzertaw fil-post allegaw li semgħu splużjoni li segwiet daħna kbira li bdiet min-naħa ta’ ġewwa tal-karozza.

9:45 a.m: Isofri ħruq estensiv wara li karozza nħakmet min-nirien fil-Belt

Ftit tal-ħin ilu għall-ħabta tad-9:15 a.m., raġel iddaħħal l-isptar wara li sofra minn ħruq estensiv fl-inħawi ta’ Marsamxett.

Kelliem għall-Pulizija qal ma’ dan is-sit li daħal rapport wara li kien hemm daħna u nstemgħet splużjoni.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku sabiex jassistu lir-raġel li nstab mixħut mal-art.

Sport