Saturday, November 14, 2026
Home Sport Dylan Caruana … għalih l-akbar rebħa tal-karriera tiegħu mhijiex waħda miksuba fil-ground,...

Dylan Caruana … għalih l-akbar rebħa tal-karriera tiegħu mhijiex waħda miksuba fil-ground, iżda dik li qed jikseb kuljum fil-battalja tiegħu għall-irkupru

0
28

Minn Cristian Muscat

Il-captain ta’ Fgura United jirrakkonta l-battalja tiegħu għall-ħajja wara l-inċident serju li ħallieh f’koma għal diversi ġimgħat.

Il-captain ta’ Fgura United, Dylan Caruana, tkellem għall-ewwel darba fil-midja dwar l-esperjenza drammatika li għadda minnha wara l-inċident serju li sofra waqt logħba futbol f’Marzu li għadda. Inċident li ħasad lill-komunità sportiva Maltija u li wasslu biex iqatta’ diversi ġimgħat f’koma, qabel ma beda l-proċess twil u diffiċli ta’ riabilitazzjoni.

F’intervista emozzjonanti li kellna miegħu, Caruana tkellem dwar il-mumenti diffiċli li għadda minnhom, id-determinazzjoni tiegħu u l-importanza tal-isport fil-proċess tal-irkupru.

“Kien l-isport li poġġieni f’din is-sitwazzjoni, iżda kien ukoll l-isport li għeni noħroġ minnha,” kien il-messaġġ ewlieni li wassal il-plejer ta’ 31 sena, li llum qed iħares lejn il-ħajja minn perspettiva kompletament differenti.

Kollox seħħ il-Ħadd 1 ta’ Marzu 2026, waqt il-konfront tal-BOV Challenge League bejn Fgura United u St Andrews fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali.

Lejn l-aħħar minuti tal-partita, Caruana kien involut f’ħabta ras ma’ ras ma’ sieħbu Alan Abdel Rahman, waqt li t-tnejn kienu qed jippruvaw jilagħbu l-ballun fl-ajru.

L-impatt kien wieħed serju u ż-żewġ plejers ittieħdu immedjatament l-Isptar Mater Dei għall-kura medika.

Filwaqt li Abdel Rahman eventwalment ħareġ mill-isptar, il-kundizzjoni ta’ Caruana kienet ferm aktar gravi. Huwa sofra ġrieħi serji f’rasu u kellu jinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, fejn tqiegħed f’koma.

L-aħbar qanqlet mewġa kbira ta’ solidarjetà minn diversi klabbs, plejers, partitarji u organizzazzjonijiet sportivi.

Anki l-Forzi Armati ta’ Malta, fejn Caruana jaħdem bħala uffiċjal, esprimew l-appoġġ tagħhom u awgurawlu fejqan ta’ malajr.

Matul l-intervista li kellna miegħu, Caruana spjega li qabel dan l-inċident qatt ma kien sofra injury serja fil-karriera tiegħu.

Huwa rrakkonta kif il-futbol dejjem kien parti importanti minn ħajtu, iżda qatt ma seta’ jobsor li l-istess sport li tant iħobb kien se jwasslu għal esperjenza daqshekk diffiċli.

“Qatt ma kont sofrejt injury serja fil-futbol u żgur li qatt ma kont nimmaġina li se ngħaddi minn xi ħaġa bħal din,” kien is-sens tal-kummenti tiegħu.

Minkejja dak kollu li għadda minnu, Caruana ma tilef qatt ir-rieda li jkompli jiġġieled sabiex jerġa’ jikseb l-indipendenza tiegħu.

Wieħed mill-aktar aspetti sinjifikanti tal-intervista kien il-mod kif Caruana spjega r-rwol li kellu l-isport fil-proċess ta’ riabilitazzjoni tiegħu.

Il-preparazzjoni fiżika tiegħu bħala atleta u l-mentalità li żviluppa matul is-snin għenuh jaffaċċja l-isfidi li sab quddiemu.

Caruana rrakkonta kif kien jibqa’ jipprova jagħmel movimenti, anki meta ma kienx jemmen li seta’ jirnexxilu.

“Anki meta ma kontx nemmen li se jirnexxili nagħmel ċertu moviment, kont nibqa’ nipprova,” huwa l-messaġġ li ħareġ mir-rakkont tiegħu.

Din id-determinazzjoni kienet fundamentali biex gradwalment beda jagħmel progress fil-kundizzjoni fiżika tiegħu.

Għalih, kull moviment u kull pass żgħir ’il quddiem saru rebħa personali.

Il-captain ta’ Fgura United tkellem ukoll dwar kemm inbidlet il-perspettiva tiegħu lejn il-ħajja.

Wara l-esperjenza li għadda minnha, affarijiet sempliċi li qabel kien jagħmel mingħajr diffikultà llum għandhom tifsira ferm akbar.

“Illum kuntent u grat li nista’ nagħmel l-affarijiet bażiċi,” kien il-messaġġ li wassal Caruana.

Huwa spjega li wara dak kollu li għadda minnu, sar japprezza ħafna aktar il-kapaċità li jwettaq attivitajiet ta’ kuljum.

Il-progress li għamel tul dawn ix-xhur tah aktar kuraġġ sabiex ikompli jaħdem fuq il-kundizzjoni tiegħu.

L-intervista kienet ukoll xhieda ta’ kemm esperjenza bħal din tista’ tbiddel il-mod kif persuna tħares lejn il-ħajja u lejn dawk l-affarijiet li ħafna drabi jitqiesu bħala ovvji.

Caruana wassal ukoll messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk li bħalissa għaddejjin minn proċess ta’

riabilitazzjoni.

Huwa enfasizza li, minkejja l-għajnuna importanti tat-tobba, tal-fiżjoterapisti u tal-persuni qrib tagħhom, l-isforz personali jibqa’ essenzjali.

“Ħadd m’hu se jaħdem għalik biex tkun aħjar fiżikament. Inti biss tista’ taħdem għalik innifsek,” kien il-messaġġ ċar li wassal.

Skont Caruana, il-perseveranza u r-rieda li wieħed jibqa’ jipprova huma importanti ħafna, speċjalment meta l-progress ikun bil-mod.

Il-kliem tiegħu wera l-mentalità ta’ atleta li, minkejja li sab ruħu quddiem sfida ferm akbar minn kwalunkwe partita futbol, baqa’ determinat li ma jaqtax qalbu.

Caruana faħħar ukoll lill-president ta’ Fgura United Larkin Bonnici li flimkien mal-kumitat tant ħabrieki, sab appoġġ kbir mingħandhom.

Bonnici qallu li l-ġrajja affettwat profondament lill-plejers, lill-kumitat u lil dawk kollha involuti fit-tmexxija tal-klabb.

Huwa rrakkonta kif Fgura United għamlu dak kollu possibbli sabiex jipprovdu l-għajnuna meħtieġa lill-atleti u lill-istaff biex jaffaċċjaw din is-sitwazzjoni delikata.

Għall-klabb, Dylan mhux biss captain fuq il-grawnd, iżda persuna li permezz tal-kuraġġ tagħha qed tagħti eżempju ta’ determinazzjoni u perseveranza.

Minkejja kollox, l-istorja ta’ Dylan Caruana tmur ferm lil hinn mill-futbol.

Hija storja ta’ atleta li minn mument għall-ieħor sab ruħu jiġġieled biex jerġa’ jikseb dawk il-kapaċitajiet li qabel kien iqishom bħala parti normali minn ħajtu.

L-esperjenza tiegħu tfakkarna wkoll fl-importanza tas-sigurtà tal-plejers u tal-preżenza ta’ servizzi mediċi adegwati waqt kull attività sportiva.

Illum, wara xhur ta’ sagrifiċċji u rijabilitazzjoni, Caruana qed ikompli jħares ’il quddiem b’kuraġġ u determinazzjoni.

Għal Dylan Caruana, l-akbar rebħa tal-karriera tiegħu mhijiex waħda miksuba fil-grawnd tal-futbol, iżda dik li qed jikseb kuljum fil-battalja tiegħu għall-irkupru u għal ħajja kemm jista’ jkun normali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here