Tuesday, December 24, 2024

€1 miljun f’taħrikiet investiti lura fil-lokalitajiet

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Aktar minn miljun ewro f’taħrikiet maħruġa mill-Aġenzija LESA se jkunu qegħdin jiġu investiti lura fil-komunitajiet tagħna permezz ta’ proġetti li se jsiru f’20 lokalità differenti madwar il-pajjiż. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, f’konferenza stampa li indirizza dalgħodu flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.

Il-Ministru Camilleri beda d-diskors tiegħu billi sellem il-memorja tal-Eks Deputat Laburista u Eks Segretarju Parlamentari Silvio Parnis, li matul il-leġiżlatura li għaddiet kien responsabbli mill-Aġenzija LESA u anke mill-Kunsilli Lokali. “Kollha kemm aħna nistgħu nixhdu kemm Silvio ħadem mill-qalb sabiex kemm il-LESA kif ukoll il-Kunsilli Lokali jimxu ‘l quddiem,” żied jgħid Camilleri.

Sadanittant, il-Ministru Camilleri qal li lkoll kemm aħna nixtiequ ngħixu f’soċjetà aktar ordnata, bl-irwol ewlieni tal-Aġenzija LESA huwa dak li żżomm l-ordni fil-komunitajiet tagħna, li jfisser li xi drabi jkollha toħroġ taħrikiet. Huwa kompla billi rrikonoxxa li ħadd ma jieħu pjaċir iħallas taħrika iżda fl-istess ħin naqblu li ż-żamma tal-ordni hija bżonjuża sabiex ikollna soċjetà aktar ordnata.

“Dak li qed nagħmlu llum huwa li l-Aġenzija LESA qed trodd lura lill-komunitajiet permezz ta’ 20 proġett f’20 lokalità differenti. Bejniethom dawk il-proġetti jiswew €1.1 miljun,” qal il-Ministru Camilleri.

Huwa enfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni mal-Kunsilli sabiex isiru dawn il-proġetti għax ħadd daqshom ma jaf il-bżonnijiet tal-lokalità li jgħixu fiha. Qal li l-Kunsilli resqu ‘l quddiem u ssottomettew il-proġetti tagħhom. Dawn jinkludu aktar sigurtà fil-lokalitajiet, iżjed spazji miftuħa u ambjent aħjar u proġetti oħrajn relatati mat-titjib fl-aċċessibilità fil-lokalitajiet.

“Inħares ‘il quddiem li jitwettqu dawn il-proġetti. B’dan il-mod qed naraw li l-Aġenzija LESA tkompli tilħaq l-għan tagħha, li filwaqt li jkun hemm ordni fil-lokalitajiet u tassisti fl-infurzar tal-liġi ta’ pajjiżna, tinvesti wkoll lura fil-komunitajiet tagħna madwar Malta u Għawdex,” tenna l-Ministru Camilleri.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret il-Kunsilli Lokali li dejjem jersqu ‘l quddiem biex jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi li hemm allokati sabiex jitwettqu l-proġetti li jkunu ta’ benefiċċju għar-residenti.

“Fiż-żmien li ġej se naraw 20 proġett ieħor, ma’ dawk li diġà saru fl-aħħar snin permezz tal-istess fond, li b’mod komplessiv jammonta għal aktar minn €3 miljun,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Finalment, hija rreferiet għall-iskeda l-ġdida ta’ ġbir tal-iskart li bdiet proprju minn nhar it-Tnejn li għadda fejn appellat għall-koperazzjoni ta’ kulħadd sabiex ikollna lokalitajiet aktar nodfa u sbieħ.

Ekonomija

Sport