Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi ta dettalji dwar ix-xogħlijiet li se jkunu qegħdin isiru fuq il-Mitħna tax-Xarolla wara li sofriet ħsarat estensivi f’maltempata b’riħ qawwi li ħakmet lil pajjiżna fid-19 ta’ Marzu li għadda.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi ħabbar li l-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar se jieħu r-responsabbiltà li jsewwi l-ħsarat kollha sabiex din il-mitħna terġa’ tiġi fi stat operabbli u terġa’ tibda titgawda mill-Maltin u t-turisti li jżuruha.
Spjega li x-xogħol kollu mistenni li jitlesta aktar tard din is-sena, filwaqt li l-ispiża mistennija tilħaq l-€10,000. Is-Senior Technical Officer fis-Sezzjoni tal-Mastrudaxxi fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi Noel Polidano qal li s-sitt arbli ta’ 30 pied kull wieħed, magħrufa bħala l-antarjoli, se jsiru ġodda u digà ġew ordnati. Se jsiru wkoll mill-ġdid il-lanterni li jżommu l-qlugħ tad-drapp, it-travu ċentrali u se jinbidlu l-ventijiet kollha.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi l-Perit Stephen Bonello, flimkien mas-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima. Min-naħa tagħha, is-Sindku Rita Grima rringrazzjat lill-gvern tal-ħidma tiegħu biex dan il-wirt storiku fiż-Żurrieq jerġa’ jitgawda mill-ġdid mill-Maltin u l-barranin fl-iqsar żmien possibbli.