Friday, April 19, 2024

€100,000 għal inizjattivi innovattivi fis-settur marittimu

Jinfetħu l-applikazzjonijiet

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg flimkien mar-Rettur tal-Università Prof. Alfred J. Vella u ċ-Chairman ta’ Transport Malta s-Sur Joseph Bugeja ħabbru l-ftuħ tal-applikazzjonijiet għall-fond imsejjaħ Maritime Proof of Concept Fund.

Dan il-fond huwa miżura tal-baġit tal-gvern u joffri €100,000 għal min jirnexxielu joħroġ b’inizjattivi innovattivi relatati mas-settur marittimu. Kull proġett jista’ jieħu sa massimu ta €25,000. Għal dan l-għan, Transport Malta u l-Università ta’ Malta ffirmaw ftehim.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li, “L-innovazzjoni hija fil-qalba tal-viżjoni ħolistika ta’ dan il-gvern, u xejn inqas fis-settur marittimu, pilastru tal-ekonomija tagħna, li tiġġenera aktar minn 14% tal-prodott gross domestiku tagħna u toħloq eluf ta’ impjiegi. Ir-reġistru waħdu, f’termini ta’ tunnellaġġ, żdied bi 22% u b’65% f’termini ta’ reġistru ta’ superyachts matul l-aħħar erba’ snin.”

Żied jgħid: “Illum il-ġurnata, għandna aktar minn 950 superyacht irreġistrat taħt il-bandiera Maltija, li jagħmluh l-akbar reġistru ta’ superyachts fid-dinja. Is-settur ra tkabbir kbir u ċċelebra numru ta’ suċċessi, fosthom il-klassifikazzjoni bħala wieħed mill-20 stat bl-aħjar prestazzjoni fil-White List tal-MOU ta’ Pariġi fl-2021. Madankollu, dan huwa biss il-bidu. Aħna rridu li bi kwalità, kunfidenza u reputazzjoni nkomplu nimxu ’l quddiem lejn tkabbir aktar sostenibbli, aktar impjiegi, u ekonomija aktar b’saħħitha.”

Iċ-Chairman ta’ Transport Malta s-Sur Joseph Bugeja qal li, “Din hija kooperazzjoni li ilha sejra diġà erba’ snin u huwa ta’ pjaċir li l-Awtorità qed terġa’ tniedi din l-inizjattiva, fejn fondi se jkunu allokati biex l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni jwassluna biex nattwalizzaw din l-idea importanti.”

“L-industrija marittima hija l-qofol tal-kummerċ lokali u globali, u aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar se ssir kompetittiva. Għalhekk, huwa meħtieġ li ssir riċerka b’mod kostanti sabiex inżommu l-vantaġġ tagħna f’waħda mill-aktar attivitajiet importanti tat-trasport permezz tal-iżvilupp ta’ prodotti, metodi u kunċetti ġodda li jirrispondu għall-ħtiġijiet industrijali. Naspira u nittama li dawn il-fondi jħeġġu lill-entitajiet biex jimpenjaw ruħhom u jinvestu l-ħin tagħhom f’dan il-qasam, biex jgħinuna nżommu l-vantaġġ kompetittiv tagħna,” qal ir-Rettur tal-Università Prof. Alfred J. Vella.

Din l-inizjattiva bdiet fis-sena 2017, b’€400,000 allokati għall-aħħar erba’ snin u €200,000 oħra allokati għas-sentejn li ġejjin, maqsuma f’€100,000 kull sena, inkluż l-2021.

L-applikanti huma mistiedna jattendu s-sessjoni tal-orjentazzjoni mandatorja rilevanti li tipprovdi aktar informazzjoni dwar il-Maritime Seed Award (MarSA), kif ukoll tagħrif dwar kif wieħed għandu jipprepara l-applikazzjonijiet bil-miktub.

Il-Proof of Concept Workshop se jittella’ online nhar il-Ħamis 9 ta’ Settembru fl-10 ta’ filgħodu, filwaqt li s-Seed Fund Workshops se jittellgħu online nhar it-Tnejn 13 ta’ Settembru fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar. Il-workshops għal din is-sena huma mandatorji u l-applikazzjonijiet jiġu aċċettati biss jekk l-applikanti jew membri tat-tim li għandhom rwol essenzjali jirreġistraw u jattendu l-workshop ta’ MarSA rispettiv.

Id-deadline għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet hija l-Erbgħa 29 ta’ Settembru f’nofsinhar.

Għal aktar dettalji dwar din l-iskema u kif wieħed jista’ jirreġistra għal workshop, jista’ jżur www.takeoff.org.mt

Sport