Saturday, December 21, 2024

€12-il miljun biex żona mitluqa f’Ħal Far tinbidel f’SME Park

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €12-il miljun, żona mitluqa f’Ħal Far ta’ 14,000 metru kwadru se tinbidel f’SME Park biex tkun tista’ takkomoda attività industrijali għal negozji żgħar u medji. 

Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjega kif dan il-Gvern qed ikompli jkun ta’ sostenn għan-negozji minkejja l-pandemija. 

“In-negozji żgħar u medji huma l-qalba tal-attività ekonomika tagħna. Fil-fatt, erbgħa minn kull ħames persuni li jaħdmu, jaħdmu f’setturi li l-għajxien tagħhom jiġi minn xi attività meqjusa bħala ta’ negozju żgħir jew medju,” qal il-Ministru Schembri. 

Huwa semma li nbdiet ħidma biex tiġi identifikata art partikolari ġewwa żona industrijali biex tinbidel f’SME Park. “Din l-art ġiet identifikata. Qed nitkellmu fuq żona ta’ 14,000 metru kwadru fejn fix-xhur li għaddew bdiet ħidma biex titnaddaf mill-iskart li kellha u issa ninsabu f’pożizzjoni li nħabbru dan il-proġett b’investiment ta’ €12-il miljun.”

Il-Ministru Schembri spjega li x-xogħol tat-tindif tlesta, u f’dawn il-jiem qed jiġi evalwat it-tender tal-iskavar filwaqt li t-tender għas-servizzi u t-toroq tal-madwar diġà ġie aġġudikat, bix-xogħol fuq dawn mistenni jibda x-xahar id-dieħel. 

Sadanittant, bħalissa għaddej ukoll il-proċess biex jinħareġ it-tender għall-kostruzzjoni, bil-Ministru jgħid li dan mistenni joħroġ fit-tieni kwart ta’ din is-sena. “B’dan il-proġett qed naraw li nakkomodaw tal-inqas 30 negozju ġdid f’din iż-żona,” tenna l-Ministru Schembri li sostna wkoll li se tingħata l-opportunità biex f’dawn il-units ikun hemm ukoll parti ddedikata għall-amministrazzjoni tagħhom.

Fil-pjan terran se jinbnew 22 unit li bejniethom se joħolqu madwar 5,800 metru kwadru ta’ spazju industrijali ġdid. Tmien units oħra se jinbew fil-livell ta’ fuq u se joħolqu madwar 4,200 metru kwadru ieħor. Dan filwaqt li se jkun hemm livell ieħor taħt l-art fuq medda ta’ 6,800 metru kwadru li jintuża bħala garaxxijiet li se jakkomoda madwar 140 karozza.

“Dan iġib miegħu għadd ta’ vantaġġi. Kemm għall-INDIS Malta fejn tidħol iż-żamma tal-faċilità iżda aktar importanti fuq in-negozji nfushom u l-klijenti tagħhom,” temm jgħid il-Ministru Schembri. 

Ekonomija

Sport