Sunday, December 22, 2024

€12-il miljun f’estensjoni tal-impjant ta’ Seifert f’Ħal Far

Mistennija jinħolqu 100 impjieg ġdid

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura estensjoni ta’ fabbrika ta’ €12-il miljun ta’ Seifert Systems Ltd. fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far u ħabbar li l-istess kumpanija, li timmanifattura sistemi li jirregolaw it-temperaturi f’diversi inġenji industrijali, se tkompli tespandi u tinvesti aktar minn €9 miljun biex tiddiversifika l-prodott tagħha. B’dan l-aħħar investiment imħabbar, il-kumpanija Ġermaniża bbażata f’Malta għal iżjed minn 50 sena, se toħloq aktar impjegi apparti il-140 xogħol ġdid li nħolqu bl-estensjoni tal-fabbrika.

F’indirizz li għamel waqt l-inawgurazzjoni tal-espansjoni tal-impjant ta’ Seifert, il-Prim Ministru innota kif il-kumpanija saret l-ewwel waħda tax-xorta tagħha li għandha fabbrika f’pajjiżna li taħdem mingħajr ma tniġġes l-ambjent. Hawn il-Prim Ministru nnota kif din il-kumpanija qed tagħmel dak li hu parti mill-viżjoni ekonomika tal-Gvern favur is-sostenibbiltà billi fost oħrajn investiet f’tagħmir state-of-the-art biex jintlaħqu l-ogħla livelli.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għal mod effikaċi li dan l-investiment inawgurat tlesta wara li tħabbar 18-il xahar ilu biss. Innota kif l-investiment pjanat li qed taħdem fuqu Seifert f’Malta jinvolvi diversifikazzjoni ta’ prodotti ġodda elettroniċi hekk kif din il-kumpanija qed tkompli timraħ fi swieq ġodda. Il-Prim Ministru Abela qal ukoll li anki quddiem tkabbir ekonomiku b’saħħtu rrimarkat minn istituzzjonijiet internazzjonali fosthom aġenżiji internazzjonali ta’ kreditu, il-Gvern jibqa’ jieħu deċiżjonijiet strateġiċi li bihom jgħin lin-negozji u lill-familji bis-sussidju fuq l-enerġija. Hawn irrimarka għal dikjarazzjonijiet oħra mhux ġejja mill-Gvern biex tieqaf l-għajnuna fuq l-enerġija u li l-Gvern żgur jibqa’ ma jaqbilx magħhom u għalhekk jagħti s-serħan il-moħħ li s-sostenn se jibqa’ jingħata.

Dr Abela nnota wkoll kif il-kumpanija mhux biss qed tħaddem iżjed nies f’pajjiżna iżda qed tkompli ttejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema f’setturi tekniċi bħall-inġinerija. Hawn qal li l-Gvern jibqa’ konxju ta’ sfidi fis-settur tax-xogħol biex ikompli jtejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema quddiem realtà li aktar intrapriżi qed ifittxu iżjed nies x’jimpjegaw u huwa għalhekk li bħala pajjiż nibqgħu nagħtu prijorità lill-edukazzjoni billi ninċentivaw anki l-istudenti jitħarrġu f’suġġetti marbuta max-xjenza, l-inġinerija u l-matematika fost oħrajn. Il-Prim Ministru rrefera għal numru ta’ investimenti mħabbra fl-aħħar żmien fosthom fis-settur tal-avjazzjoni u l-farmaċewtika u rrijaferma l-impenn li l-Gvern ikompli jinċentiva u jappoġġja tkabbir li bih anki jinħolqu opportunitajiet u titjieb il-qagħda tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Intant il-Kap Eżekuttiv u Direttur Maniġerjali ta’ Seifert f’pajjiżna, Michael R. Seifert saħaq li l-kumpanija qatt ma għażlet li tkeċċi ħaddiema, anki waqt l-akbar sfidi internazzjonali bħal ma kienet il-pandemija. Sostna li l-kumpanija tagħti importanza kbira għat-taħriġ tal-ħaddiema li bih ikomplu jiżviluppaw u jikbru fil-karriera filwaqt li aċċenna li passi favur operat sostenibbli ma jfissrux biss infiq iżda investiment favur iffrankar ta’ riżorsi u flus. Wara l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela akkumpanjat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, żar l-impjant ta’ Seifert Systems.

Ekonomija

Sport