Saturday, December 21, 2024

€1,300 multa talli tajjar mara

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Raġel kien immultat €1,300 u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal tliet xhur wara li nstab ħati li tajjar mara li kienet qed taqsam triq fil-Qawra.

L-inċident kien seħħ fil-21 ta’ Ottubru 2015, għall-ħabta tas-6.50 a.m. fi Triq il-Qawra, meta waqt li Emanuel Micallef kien qed isuq vann laqat lil Yodit Mebrahtu Gebre-Eyesus.

Meta l-pulizja marru fuq il-post sabu lill-mara mixħuta mal-art fit-triq fejn kienet qed tiġi mgħejjuna minn xi nies.

Hija ttieħdet l-isptar fejn għamlet żmien fil-periklu tal-mewt qabel ma qalbet għall-aħjar.

Micallef tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati fejn kien mixli mill-Ispettur Jurgen Vella li b’nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti tat-traffiku ikkaġuna lill-mara ġrieħi gravi.

Huwa sostna li kien hemm id-dlam fit-triq madankollu l-Qorti tal-Maġistrati irrimarkat li mill-provi rriżulta li d-dawl tat-triq kien għadu mixgħul.

Micallef sostna wkoll li l-vittma qasmitlu f’daqqa mil-lemin għax-xellug imma l-istess Qorti ikkonkludiet li t-traċċi tad-demm kienu fuq in-naħa xellugija tat-triq u għalhekk kienet kważi qasmet.

Huwa argumenta wkoll li ma qasmitx minn fuq ‘zebra crossing’ u fil-fatt irriżulta li kien hemm waħda 50 metru u oħra 100 metru minn fejn seħħ l-inċident.

Minkejja dan il-Qorti tal-Maġistrati warrbet ir-raġunijiet li ġab għala ma kellux jinstab ħati u waqt li żammitu responsabbli tal-inċident immultatu €1,300 kif ukoll skwalifikatlu l-liċenzja tas-sewqan.

Għalkemm Micallef appella l-Imħallef Edwina Grima tat raġun lill-Qorti tal-Maġistrati fil-konklużjonijiet tagħha u ikkonfermat is-sentenza tagħha.

Ekonomija

Sport