Sunday, May 19, 2024

FILMS: Detektiv sa minn ċkunitu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

The Kid Detective

Il-protagonist f’din id-drama komika tad-direttur debuttant Evan Morgan hu Abe Applebaum (Adam Brody).  Fl-ewwel parti tal-film insiru nafu li sa minn ċkunitu Abe kien jagħmilha ta’ detektiv privat.  Abe beda juri abilitá kif isolvi każijiet żgħar minn isib qattus mitluf sakemm għamel ħoss fil-komunitá meta solva l-każ ta’ min seraq il-flus miġbura minn skola.  Wara qala’ daqqa kbira fir-reputazzjoni meta għebet tifla li kienet tattendi l-istess skola fejn kien imur.  Bil-mezzi li kellu dak iż-żmien, ma solvix il-każ.

Ta’ spiss fis-sakra jew involut f’xi ġlieda, Abe kien sar id-dell ta’ dak li darba kien sakemm darba titfaċċa t-tfajla Caroline (Sophie Nélisse), b’każ ġenwin biex jiġi investigat.  Caroline tkun trid lil Abe isib minn qatel in-namrat tagħha.

Dak li jagħmel din id-drama komika nteressanti hu l-mod kif tiżviluppa r-relazzjoni bejn Caroline u Abe waqt l-investigazzjoni tal-każ: tfajla inġenwa b’kuntrast ma’ wieħed b’esperjenza.  Ħasra li “The Kid Detective” (Columbia Pictures/KRS: 15) jiżviluppa b’mod ftit mgħaġġel meta jibda jagħtina t-tweġibiet għat-trufijiet li jkunu inħolqu.

A Christmas Gift From Bob

Dan hu sequel għal “A Street Cat Named Bob” li konna rajna f’Novembru ta’ 4 snin ilu.

Bob hu qattus li jkun mitluq fit-triq u jsir ħabib ta’ James Bowen li jkun mużiċist bla saqaf fuq rasu.  Il-ħbiberija li tiżviluppa mal-qattus tgħin lill-mużiċist jgħeleb il-vizzju tad-droga u anke jara possibiltà ta’ suċċess.

Ispirati minn sensiela ta’ kotba ta’ tal-awtur Ingliż James Bowen (msejjsa fuq l-esperjenzi personali tiegħu), fil-film il-ġdid “A Christmas Gift From Bob” (Studio Pictures/KRS: PG) jerġa jlaqqana ma’ James u l-qattus f’avventura ġdida meta uffiċċjali tal-Animal Welfare jkunu jridu jieħdu l-qattus għax skont huma, ma kienx miżmum tajjeb.

Luke Treadaway jerġa jaħdem il-parti ta’ James Bowen.  Id-direttur hu Charles Martin Smith.

L-isfortuna hi li f’Ġunju li għadda, dan il-qattus li naraw fil-film safa milqut minn  karozza u miet. 

Summer of 85

Il-mod ta’ kif il-film Franċiż “Summer of 85” (Artificial Eye/Spazju Kreattiv: 15) jibda jista’ jizzgwidak.  Il-pulizija jarrestaw lil Alexis.  Dan iż-żagħżugħ ikun fl-età li jafferma l-identità tiegħu.  Qiesu d-direttur François Ozon ried li l-udjenza ddaħħal f’moħħna li Alexis ġie arrestat fuq suspett li qatel lil sieħbu David.  Hekk kif Alexis jeħodna fuq vjaġġ ta’ x’ġara fis-sajf tal-1985, din ix-xena tibqa’ tberren f’moħna u toħloq it-tensjoni.

Fil-partijiet ewlenin naraw lil Félix Lefebvre fil-parti ta’ Alexis.  Huwa jkun fuq dgħajsa li tinqaleb u għal ftit ma jgħereqx meta jiġi salvat minn David, biex David isir il-ħabib tal-ħolm tiegħu.  Fil-parti ta’ David naraw lil Benjamin Voisin li jagħti wirja stupenda. 

Possessor

Id-direttur ta’ “Possessor” hu Brandon Cronenberg.  Dan hu iben id-direttur Kanadiż David Cronenberg.  Min hu midħla tal-films ta’ Cronenberg ix-xiħ jaf sew x’jistenna.  Fil-ġeneru tal-films tal-orrur, David Cronenberg ħoloq dak li jissejjaħ il-body horror genre – jiġifieri films fejn il-ġisem tal-bniedem jgħaddi minn vjolazzjonijiet disturbanti ta’ vjolenza grafika u psikoloġika.  Brandon Cronenberg beħsiebu jkompli jsegwi l-linja ta’ films li oriġina missieru.

Ispirat minn films ta’ Dario Argento, “Possessor” (Signature Entertainment/Eden/Embassy: 18) hu thriller tal-fantaxjenza immirat esklussivament għal min iħobb il-films tal-orrur li huma iebsa ħafna.  Anke probabbli għalihom, mhux faċli jaraw dan il-film.

“Possessor” jippreżentalna mara bl-isem ta’ Tasya (Andrea Riseborough) li titneħħa minn magna.  Hi tkun “possessor” – jiġifieri qattiela li l-koxjenza tagħha titpoġġa f’persuna oħra biex toqtol.  Tasya tibda tikkontrolla lil Colin Tate (Christopher Abbot), in-namrat ta’ Ava.  Missier Ava hu l-industrijalist John Parse (Sean Bean) li jkollu kumpanija li tispeċjalizza kif toħloq spjunaġġ permezz tal-webcams li n-nies ikollhom. Tasya permezz ta’ Colin tkun trid li John jinqatel. 

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

Sport