Friday, December 13, 2024

PALADINI TAL-VERITÀ

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Alfred Sant

Kemm hawn paladini hux, li jtellgħu l-informazzjoni meħtieġa dwar dan jew dak il-mexxej Laburista? Ikollok tammira l-assidwità tagħhom sakemm tiftakar: imma dawn il-flien fejn kienu fi żminijiet il-gvernijiet ta’ Fenech Adami u Gonzi?

F’dak iż-żmien ma kellhom l-ebda informazzjoni xi jtellgħu bl-istess dettalji u bl-istess paraguni? 

Naqbel li d-dnub – jekk ikun hemm wieħed – tal-bieraħ ma jiskużax lil tal-lum. Biss, nemmen li l-ipokreżija ta’ min jilgħabha tal-qaddis illum tista’ tkun diżgustanti daqs id-dnubiet tal-lum u tal-bieraħ. Għax meta tgħawwar fil-motivazzjoni ta’ min illum sar daqstant qaddis, se ssib li dan jew dak ġie urtat għax ma ngħatax li stenna jew għax fil-karriera qabżu xiħadd li kien jiddisprezza. 

Għad niksruh daċ-ċirku vizzjuż li bih meta ta’ min favurina jagħmel id-dnub, nagħlqu għajnejna u meta ta’ kontrina jagħmlu, niftħu t-trombi tal-ġustizzja u l-verità?

TMIEM TAL-ĠRAJJA

Il-ġrajja kerha tal-qtil tas-sinjura Caruana Galizia trid tingħalaq malajr kemm jista’ jkun. Mhux biex tindifen u tintesa – bil-maqlub – imma biex il-verità toħroġ malajr u dawk li kienu responsabbli, huma min huma, jingħataw li ħaqqhom skont il-liġi.

Hu inkwetanti kif l-investigazzjonijiet donnhom javvanzaw bil-pass ta’ nemlu. Żgur li bħalissa dan mhux qed jiġri għax qed isir sforz ħalli jinżamm dan il-pass, imma għax l-organizzazjzonijiet u l-istituzzjonijiet tagħna hekk biss jafu jaħdmu. Dak li wirtu bħala proċeduri u modi kif isiru l-affarijiet, baqgħu jipprattikawhom minkejja kull bidla fiċ-ċirkostanzi.

Hi ħaġa li mdorri biha kulħadd u donnha tingħoġob minn kulħadd anke jekk kull storja skabruża … jew kważi… tispiċċa fir-ramel. Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk.

L-AKBAR RATA TA’ BYE ELECTIONS

Toqgħod taħseb – il-Parlament Malti llum għandu l-ogħla rata ta’ membri li telgħu fih b’bye elections/co-options li nżammu mhux minnufih wara elezzjoni ġenerali. U nirringrazzjaw lis-smewwiet li dan ġara mhux għax mietu d-deputati u kellha tintuża l-proċedura ta’ co-option  biex jinstab min se jeħdilhom posthom.

Intużat għax deputati rreżinjaw.

Dak li ġara jitqies bħala parti normali mill-ħajja politika tal-pajjiż.

Min-naħa l-oħra rridu noqgħodu attenti – li dak li ġara ma jiddevalwax is-sens demokratiku f’moħħ iċ-ċittadini billi jitilqu jgħidu: x’importanza hemm li nkunu vvotajna għal xi wieħed jew l-ieħor għax malajr se jinbidlu b’nies li ma ħarġux għall-elezzjoni imma rebħu l-widna tal-poter?

Fit-tieni post, tela’ min tela’ fil-Parlament Malti, għandha tinżamm kull ħeġġa biex l-affarijiet isiru skont l-aspettattivi tan-nies. Imma se tibqa’ valida dil-ħaġa meta dawk li jinsabu fil-Parlament ma kinux eletti? Dan japplika bil-kbir għal min hu kap tal-oppożizzjoni. 

Ekonomija

Sport