Tuesday, April 23, 2024

TOROQ FAĊLI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Forsi kulħadd jagħmilha; aħna l-Maltin żgur.

Infittxu u nippreferu t-toroq faċli biex nilqgħu għal xi sfida u noħorġu minnha. Fejn it-triq li nagħżlu tirriżulta iebsa wisq għall-gosti tagħna, naraw kif se nibdluha għal waħda anqas ta’ dwejjaq skont il-kejl tagħna. Fil-fatt wieħed jista’ jinterpreta l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż minn din il-perspettiva… 

Hekk matul is-snin, ma bqajniex nisħqu fuq l-iżvilupp industrijali u dawwarna ħafna mill-isforzi li qabel kienu jmorru fuqu lejn is-servizzi. Fit-turiżmu nstabet formola li biha barranin, għal ħlasijiet anqas, ħadu post Maltin li sabu x-xogħol tagħhom f’dal-qasam wisq ta’ piż. It-toroq faċli ta’ impjiegi mal-gvern u ta’ negozjar u spekulazzjonijiet fuq artijiet u bini sabu l-aqwa żvog.

Forsi l-unika darba li mill-bidu sal-aħħar ma tteħditx triq faċli kien meta bejn l-1971 u l-1979, tneħħiet darba għal dejjem il-bażi militari Brittanika minn fostna.

Illum niddubita kemm baqa’ toroq faċli li nistgħu niżgiċċaw minnhom għall-futur.

***

SĦANA

Quddiem il-mewġiet ta’ sħana li jidher li se jkunu fattur kontinwu fil-ħajja li ngħixu, wieħed jitħajjar jistaqsi jekk it-twissijiet li jfaqqgħu awtomatikament meta jkun se jseħħ xi ħruq humiex adatti għaċ-ċirkostanzi tal-lum. Jinsabu attrezzati – f’binjiet u uffiċini tal-gvern, f’ħażniet fejn jinżammu materji li malajr jinfjammaw, f’silos tal-qmuħ u ġwież, f’portijiet, f’fabriki, f’lukandi… – biex jagħtu l-allarm minn kmieni biżżejjed?

F’ħafna mill-istejjer li qed jaslulna minn barra, dwar ħruq li jiskatta b’forza kbira, jibqa’ s-suspett li ma kienx hemm twissija minn qabel ta’ x’seta’ jinqala’.

Ikun tajjeb li jiġi spezzjonat u modernizzat it-tagħmir kollu li jagħti twissija ta’ nirien fil-ħin u li jiddaħħal tagħmir ġdid f’imkejjen oħra li jistgħu qed isiru sensittivi minħabba l-bidla fil-klima.

***

TPATTIJA

X’aktarx se tqum it-tentazzjoni fi ħdan l-amministrazzjoni Amerikana ta’ Biden biex ipattu għad-disfatta li f’għajnejn id-dinja din ġarrbet bil-wasla tat-taliban f’Kabul. It-tentazzjoni tista’ tieħu x-xeħta li l-Amerikani jimmuntaw operazzjoni militari x’imkien biex iwasslu l-messaġġ li għadhom Superpotenza qawwija.

Jekk jiġri hekk, dan ikun żball akbar mill-mod kif matul is-snin, inżammet il-preżenza Amerikana fl-Afganistan, maħsuba biex issostni bidla fondamentali fil-mod kif dak il-pajjiż jitmexxa.

Dejjem emmint li l-intervent Amerikan ta’ wara s-sena 2001 fl-Afganistan biex “ipatti” għall-attakk atroċi li sar minn Al Qaida fuq il-qalba ta’ New York u biex jiżgura li ma jerġax jiġri kien ġustifikat. Kif iżda wara dan, komplew jitmexxew l-interventi ta’ warajh spiċċa sensiela ta’ żbalji tattiċi u strateġiċi, li filfatt jirriflettu l-istess żbalji li għamlu qabel l-Amerikani, il-Brittaniċi u s-Sovjetiċi fl-invażjonijiet tagħhom ta’ dak il-pajjiż.

Sport