Saturday, May 4, 2024

Din is-sena l-gvern se jkun investa fil-ħabs aktar minn disa’ snin sħaħ taħt il-PN

Aqra wkoll

Ingaġġati aktar minn 20 professjonist ġdid biex jassistu l-priġunieri u nbena ċentru mediku tal-ogħla livell

Matul din is-sena biss il-Gvern se jkun investa fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin b’mod kapitali, aktar minn kemm kien investa Gvern Nazzjonalista f’9 snin sħaħ. Filfatt il-vot kapitali għall-faċilità korrettiva ta’ Kordin għal din is-sena huwa ta’ €3.2miljuni. Meta wieħed jaqbad il-vot kapitali bejn is-snin 2004 u l-2012 isib li jekk wieħed jgħodd dawn is-snin kollha s-somma tqarreb għal ftit aktar minn €2.8miljuni. Dan ifisser li f’sena waħda biss, il-Gvern se jkun investa kważi nofs miljun aktar minn 9 snin sħaħ ta’ voti kapitali fi żmien il-Partit Nazzjonalista.

Dan kollu jxejjen xi argumenti li qed dehru fil-mezzi tax-xandir dwar l-attenzjoni li l-Gvern qed jagħti fil-faċilità u l-priġunieri li jgħixu fiha.

Dawn il-fondi kapitali filfatt marru sabiex isir investimenti fil-faċilità li minnhom gawdew l-istess priġuniera u anke l-uffiċjali li jaħdmu ta’ kuljum f’dan il-post.

B’investiment ta’ kważi €700,000 saret l-MI Room, il-Medical Investigations Room li minnu qed jibbenefikaw il-priġuniera li jirċievu l-attenzjoni medika kollha li jkollhom bżonn.

Dan iċ-ċentru mediku huwa attrezzat bl-aħjar apparat mediku li jeżisti sabiex tkun tista’ tingħata l-aħjar attenzjoni medika lill-priġuniera.

Apparti dan l-investiment kapitali, kien hemm oħrajn fosthom investiment f’vannijiet ġodda, numru ta’ body u baggage scanners sabiex tiżdied is-sigurtà fil-faċilità, investiment f’apparat sabiex il-priġuniera jkunu jistgħu jaħdmu fil-ħabs fosthom fil-workshop tal-mastrudaxxi u uffiċċju ġdid biex jinżammu r-records b’investiment ta’ aktar minn €200,000.

Pari-passu mal-investiment fil-binja taċ-ċentru mediku kien hemm l-ingaġġ ta’ numru bla preċedent ta’ ħaddiema professjonisti fil-qasam. Minn tabib wieħed li kien hemm fil-faċilità sal-2012, illum hemm 3. Minn żewġ psikjatri, illum hemm 3 joffru s-servizzi tagħhom b’wieħed minnhom ibbażat fil-faċilità, minn l-ebda infermiera għal madwar 17 -il infermiera li jaħdmu fil-faċilità. Illum ġie ngaġġat saħansitra dentist biex joffri s-servizzi tiegħu lill-priġuniera. Dan l-investiment fir-riżorsa umana fisser investiment ta’ madwar €2.5miljuni u allura żieda fl-ispiża rikurrenti.

La wieħed semma l-ispiża rikkurenti, u allura dik l-ispiża li ssir b’mod regolari sabiex investiment kapitali jkun jista’ jibqa’ għaddej bħal ma ngħidu aħna l-pagi, l-ikel etċ, ukoll kien hemm żieda fiha.

Filfatt f’dik li hi spiża rikurrenti, f’9 snin il-Partit Nazzjonalista investa ftit inqas minn €71 miljun, f’9 snin, il-Partit Laburista investa kważi €125miljun, 76% aktar.

Din l-ispiża rikkurrenti hija xhieda qawwija tal-investiment li qed isir mhux biss fil-ġebla iżda sabiex jiżdiedu s-servizzi u l-appoġġ lejn il-priġuniera iżda anke lejn l-ħaddiema li fl-aħħar xhur qed igawdu minn paga u kundizzjonijiet aħjar wara li ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid għalihom.

Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq ċentru minn fejn se jibdew joperaw l-professjonisti kollha fosthom il-care workers li jaħdmu mal-priġunieri u magħhom ifasslu care plan ta’ kif għandhom jimxu fil-faċilità. Apparti minn hekk qed isir xogħol ukoll fuq sistema ġdida ta’ kif se jkunu qed jinżammu r-records.

Dan kollu sabiex il-faċilità tkun tista’ taħdem bl-aħjar mod u fl-aħjar ambjent possibli. Bħalissa wkoll fil-faċilità qed jinżammu numru ta’ korsijiet intiżi sabiex jiġu mgħallma suġġetti akkademiċi, imma anke dawk vokazzjonali flimkien ma’ diversi workshops li fihom qed jaħdmu l-priġunieri.

Wieħed irid isemmi wkoll li permezz ta’ ftehim bejn il-Gvern u l-Għaqda mid-Dlam għad-Dawl, il-Gvern qiegħed jgħaddi €500,000 fuq 3 snin sabiex isiru programmi ta’ terapija mal-familji tal-priġunieri dan filwaqt li tingħata għajnuna lill-Għaqdiet bħar-RiSe sabiex jiġu mtella’ programmi intiżi li jgħinu lill-priġunieri jirintegraw fis-soċjetà li ngħixu fiha.

Sport