Saturday, December 14, 2024

€13,000 għal ħaddiem li waqa’ minn fuq trakk

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kumpanija Polidano Brothers ġiet ordnata tagħti €13,000 lil ħaddiem wara li nżammet responsabbli għall-inċident li fih weġġa’.

Frankie Caruana fetaħ il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpanija b’rabta mal-inċident li kien seħħ fit-3 ta’ April 2009.

Caruana, li dakinhar kellu 50 sena, weġġa’ wara li waqa minn fuq is-saqaf tat-‘tipper truck’ li kien tqabbad iħaddem meta kien xogħol fil-Magħtab.

Mill-provi li tressqu quddiem l-Imħallef Joseph Micallef irriżulta li huwa mar fl-impjant ta’ Polidano f’Ħal Farruġ biex jiġbor it-trakk, saq sal-Magħtab u ftit wara li wasal tqabbad mill-foreman biex jgħabbi romblu tal-‘membrane’ għal fuq it-trakk.

F’ħin minnhom huwa ntalab biex jitla’ fuq il-kabina tat-trakk biex jaqla’ l-katina minn mar-romblu u meta kien fuq is-saqaf dan dar, laqtu u tefgħu għal isfel m’għola sular. 

Caruana niżel fuq saqajh u ma felaħx jimxi u wara li ttieħed f’poliklinika ntbagħat l-isptar. Huwa ġarrab ksur fl-għarqub u ġie operat erba’ darbiet fejn dam sena ma jersaqx lejn ix-xogħol.

Fil-kawża huwa argumenta li l-kumpanija ma ipprovditlux l-‘harness’ madanollu hija sostniet li kien fl-obbligu tiegħu li jitlob wieħed.

L-Imħallef Micallef ma qabilx mal-kumpanija u nsista li kienet responsabbilta tal-imgħallem li jipprovdi t-tagħmir tas-sigurtà.

Kien għalhekk li waqt li żammha responsabbli tal-inċident ordnalha tagħtih €13,000 wara li qies l-età li kellu Caruana u l-fatt li sofra diżabilità ta’ 14%.

Ekonomija

Sport