Friday, January 16, 2026

€15,000 multa talli żamm żewġt iklieb f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna … ipprojbit għal għomru milli jżomm annimali

Aqra wkoll

Raġel li kien qed iżomm żewġt iklieb f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna, tant li nstabu għadma u ġilda, kien ikkundannat multa ta’ €15,000 u pprojbit għal għomru milli jżomm jew jirrisjedi f’post fejn jinżammu l-annimali. 

Gary Agius ta’ 31 sena kien mixli li ġiegħel annimali jsofru uġigħ, tbatija jew dwejjaq bla bżonn, li żamm annimali mingħajr ma kien responsabbli għat-trattament xieraq tagħhom u naqas milli jiżgura li l-ħtiġijiet tal-annimali li huwa kien responsabbli għalihom, jintlaħqu hekk kif meħtieġ.

Fil-Qorti xehed il-Kuntistabbli Brandon Agius li spjega li f’Settembru 2023 kien irċieva telefonata mill-Ispettur għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Annimali Ian Vella sabiex jassistih f’għalqa fir-Rabat. 

Huwa sostna li fuq il-post kien hemm żewġt iklieb li ma kinux jinsabu f’kundizzjonijiet. Sostna li l-affarijiet bażiċi bħal indafa, ilma u ikel kienu neqsin. Il-klieb kienu għadma u ġilda. Wieħed mill-klieb ma kellux ilma u l-ieħor kellu ftit ilma f’landa li iżda kien maħmuġ. 

Il-klieb kienu magħluqin b’fence mdawra b’xibka tas-saqaf u mhux jiġru. Wieħed mill-klieb kien mgħotti b’xi siġar li kienu qed iservu bħala shelter mill-qilla tax-xemx iżda l-ieħor ma kellu xejn. 

Għalhekk huwa għamel kuntatt mal-Animal Welfare u rrapportaw fuq il-post żewġ uffiċjali li skannjaw iċ-ċippa tal-klieb u rriżulta li sid il-klieb kien l-imputat. 

Mir-ritratti esebiti fil-Qorti rriżulta u b’mod ċar ippruvat li klieb ma kinux qed jiġu miżmuma f’kundizzjonijiet tajba u aċċettabbli. Il-klieb kienu niexfa, litteralment bil-kustilji jidhru, mingħajr l-ebda ilma jew mingħajr ilma frisk, u miżmuma f’post maħmuġ u traskurat. 

Il-Qorti qalet li l-verżjoni tax-xhieda jikkorraboraw dak li jidher fir-ritratti. Innotat ukoll li l-klieb, wara li ġew eżaminati, irriżulta li kienu mimlija qurdien u l-kundizzjoni ta’ saħħa tagħhom ma kinitx tajba. 

Il-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova wkoll li l-klieb kienu rreġistrati fuqu u għaldaqstant l-imputat kien meqjus għall-Qorti, sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor, li kien il-persuna responsabbli għal dawn il-klieb. 

Għall-fini tal-piena, il-Qorti kkunsidrat li l-imputat għandu fedina penali netta. Madanakollu ma tistax tinjora l-fatt li huwa għażel li jħalli żewġt iklieb isofru u jbatu bla bżonn.

“L-irwol tal-Qorti flimkien ma’ dawk tal-awtoritajiet konċernati huwa li tipproteġi lil min hu l-aktar vulnerabbli u ċertament li l-annimali huma fost l-aktar vulnerabbli. Din il-Qorti ċertament ma tistax tifhem kif l-imputat ittratta lill-akbar ħabib tal-bniedem b’dan il-mod, u tibża’ wkoll li dan it-trattament jista’ jiġi ripetut,” qal il-Maġistrat Kevan Azzopardi. 

Huwa qal li s-sanzjoni applikabbli jeħtieġ li tkun waħda ċara u li tibgħat messaġġ ċar li tali aġir mhux permess fis-soċjetà tagħna. 

Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li sabu ħati tat-tliet imputazzjonijiet miġjuba fil-konfront tiegħu, ikkundanna lil Agius għal multa ta’ €15,000, li jistgħu jitħallsu b’rati mensili ta’ €700 kull xahar.

B’żieda ma’ dan, il-ħati ġie wkoll ipprojbit mill ijżomm annimali u jirrisjedi f’post fejn jinżammu l-annimali għal għomru kollu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport