Tfajla ta’ 27 sena kienet immultata €2,000 wara li nstabet ħatja li żammet kelb tar-razza Pitbull maqful f’xaft bla lqugħ u bla ikel.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Christian Cauchi spjegat li l-każ seħħ f’Diċembru tal-2021, meta allegatament Caroline Debrincat ħalliet kelb f’bitħa interna żgħira u ġegħlitu jsofri f’San Pawl il-Baħar.
Ingħad li l-Pulizija bdiet tinvestiga wara li fit-8 ta’ Novembru 2021 l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali daħallu rapport li kien hemm kelb li kien qed jinżamm f’bitħa f’San Pawl il-Baħar.
F’Novembru tal-istess sena, żewġ uffiċjali mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali marru fuq il-post fejn sabu l-kelb u wissew lil omm l-akkużata li kien hemm diversi ksur tar-regolamenti dwar iż-żamma tal-annimali.
Intant xahar wara, uffiċjali mill-istess Direttorat reġgħu marru d-dar fejn reġgħu sabu l-kelb fl-istess sitwazzjoni u għalhekk ħadu l-kelb mill-post.
Fil-Qorti xehdu uffiċjali mid-Direttorat li spjegaw il-kundizzjoni li sabu fiha lill-kelb bil-Maġistrat Astrid May Grima qalet li l-provi urew li l-kelb inżamm maqful f’xaft żgħir bla lqugħ, bla provvista xierqa ta’ ikel u f’ambjent maħmuġ.
Qalet li l-akkużat naqset li tipprovdi lill-kelb bi spazju adegwat u nadif fejn jista’ jdur u naqset milli tipprovdilu l-ikel u għalkemm ingħatat ċans ħallietu hemm.
Kien għalhekk li sabitha ħatji tal-akkużi kontriha u minbarra l-€2,000 multa pprojbietha milli żżomm annimali għal perjodu ta’ sentejn.