F’perjodu ta’ għaxar ġimgħat, il-poplu Malti u Għawdxi ġabar is-somma ta’ €228,581.98b’risq il-persuni fi tbatija kbira f’Gaża. Din il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi ġiet ikkoordinata minn Caritas Malta fuq talba tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex.
Id-donazzjonijet ingħataw mill-parroċċi, komunitajiet reliġjużi, individwi f’Malta u Għawdex, kumpaniji u entitajiet oħra privati.
Il-flus miġbura għaddew lil Caritas Internationalis. Sa mill-2023, Caritas Internationalis, flimkien mal-kollaboraturi tagħha, għenet aktar minn 1.7 miljun persuna f’Gaża permezz ta’ ikel, kenn u djar dinjitużi, ilma, sanità u iġene, għajnuna finanzjarja, u appoġġ psikosoċjali.
“Caritas Malta tinsab grata tas-sapport li l-poplu Malti u Għawdxi wera għal din is-sejħa u bis-somma miġbura se tkompli ssir iktar ħidma ma’ dawn il-persuni vulnerabbli f’Gaża,” sostna Anthony Gatt, id-Direttur ta’ Caritas Malta. Żied jgħid, “Caritas Malta impenjata tkompli bil-ħidma tagħha u tirrispondi permezz tas-soċjetà Maltija fejn ikun hemm sejħiet ta’ emerġenza.”
Iktar kmieni din is-sena nġabret is‑somma ta’ €31,485 b’risq il‑persuni fil‑Myanmar minħabba t‑terremot qawwi li laqat lil dan il‑pajjiż f’Marzu li għadda. Din il‑kampanja ta’ ġbir ta’ fondi ukoll kienet ikkoordinata minn Caritas Malta fuq talba tal‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex.