Hamid Mesto Masud, Sirjan ta’ 23 sena residenti ż-Żejtun, ġie mmultat €230 wara li tressaq il-Qorti fejn wieġeb ħati li saq vettura mingħajr liċenzja u li ta dettalji ħżiena lil uffiċjal tal-pulizija.
Il-każ seħħ nhar is-Sibt li għadda, għall-ħabta tal-11.30 p.m. fi Triq Tul il-Kosta, fl-inħawi tan-Naxxar u San Ġiljan. Fuq ammissjoni tiegħu sttess, il-Qorti sabet lill-imputat ħati tal-imputazzjonijiet kollha dedotti kontra tiegħu.
Rigward il-piena, il-Qorti kkunsidrat li Masud ikkopera mal-pulizija u rreġistra ammissjoni fl-iktar stadju bikri ta’ dawn il-proċeduri u għalhekk ma ħeliex il-ħin u r-riżzorsi tal-Qorti u tal-forzi tal-ordni.
Fil-Qorti nstema’ wkoll kif l-imputat m’għandux liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti Maltin. Huwa ġie Malta f’Ġunju 2023, u se jitlaq minn Malta ħmistax oħra.
Għalhekk, l-imputat ma jistax jiġi skwalifikat mil-liċenzja tas-sewqan, u m’hemmx lok li tiskwalifikah milli jikseb liċenzja tas-sewqan, minħabba li se jitlaq minn Malta ħmistax u oħra u m’għandux irbit mal-gżejjer Maltin.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti, filwaqt li sabitu ħati tal-imputazzjonijiet kollha miġjuba kontra tiegħu, ikkundannatu għal multa ta’ €230.