Ġew allokati €3 miljun għall-kunsilli lokali sabiex jibbenefikaw minn skemi li għandhom l-għan li jsebbħu u anke jkattru l-attivitajiet kulturali fil-lokalitajiet ta’ madwar Malta u Għawdex. Fost l-iskemi mħabbra hemm dawk marbuta mal-attivitajiet kulturali annwali, tal-milied u tal-karnival. Iżda lil hinn mill-kultura, tħabbru wkoll skemi għall-finanzjament għal komunitajiet aktar b’saħħithom u ta’ kwalità u kif ukoll skemi għal proġetti infrastrutturali u ambjentali.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli li spjegat li l-kunsilli lokali għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-komunitajiet u fit-tfassil tal-politika lokali u ħadd aħjar mis-sindki u l-kunsilliera ma jafu l-bżonnijiet tal-lokalità u tar-residenti. Hija qalet li l-gvern jemmen bis-sħiħ fil-kunsilli lokali u reġjonali u għalhekk se jibqgħu jinħolqu aktar skemi finanzjarji, inizjattivi u opportunitajiet biex il-gvern ikompli jgħin lill-kunsilli jwettqu u joħolqu iżjed proġetti.
“Hemm skemi li qed jerġgħu jinħarġu bħal pereżempju l-iskema għall-attivitajiet kulturali annwali u l-iskema tal-attivitajiet tal-milied u oħrajn ġodda bħal dawk għall-attivitajiet marbuta mal-karnival Malti. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif il-gvern qed ikompli jsostni u jippromovi l-kultura, it-tradizzjonijiet u l-integrazzjoni soċjali,” spjegat is-segretarju parlamentari.
Hija sostniet li l-kultura hi element vitali għal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin u dawn l-iskemi qed jagħtu fondi addizzjonali biex jorganizzaw attivitajiet kulturali u tradizzjonali, li jattiraw kemm residenti u kif ukoll turisti.
“Dawn l-iskemi maħruġa mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali jingħaqdu wkoll ma’ skemi oħra maħruġa minn Ministeri u awtoritajiet oħra, u b’hekk inkomplu nagħtu aktar sostenn lill-kunsilli u nkomplu ninvestu fil-lokalitajiet tagħna,” kompliet tispjega s-segretarju parlamentari.
Hija spjegat ukoll li għal darb’oħra l-gvern reġa’ investa ammont sostanzjali fl-iskema għall-‘Finanzjament għall-komunitajiet aktar b’saħħithom u ta’ kwalità’, għax jemmen bi sħiħ fil-benesseri tas-soċjetà, fl-għajnuna lill-familji vulnerabbli u fil-bżonn ta’ aktar spazji miftuħa u ta’ rikreazzjoni.
“Dan il-pakkett ta’ skemi li qed inħabbru llum u li jammonta għal aktar minn €3 miljun, se jkompli jgħin lill-kunsilli joħolmu u jwettqu. Grazzi tal-interess li turu u tapplikaw biex tkomplu twettqu aktar ħidma u biex tagħmlu kommunitajiet aktar b’saħħithom u ambjent isbaħ kuljum,” temmet tgħid is-segretarju parlamentari.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali għall-Gvern Lokali Emil Vassallo ta spjegazzjoni dettaljata tal-iskemi li ħerġin din is-sena. Huwa spjega li l-iskemi huma ffukati fuq ħtiġijiet differenti bħal ma huma attivitajiet kulturali, oħrajn li jindirizzaw propju l-infrastruttura fil-lokal fejn il-kunsilli jiġu mogħtija flus addizzjonali biex jinvestu fl-infrastruttura tal-lokal, fil-ġonna, f’vetturi għall-użu tal-lokal, u anke hemm skemi li qegħdin mfasslin sabiex ikunu proprju l-kunsilli lokali li jagħżlu x’jagħmlu bil-fondi addizzjonali fil-lokalitajiet tagħhom.