Tuesday, September 29, 2026
Home Sport Trustin Farrugia Cann … il-messaġġ tiegħu jibqa’ wieħed ta’ fiduċja fil-progress tat-timijiet...

Trustin Farrugia Cann … il-messaġġ tiegħu jibqa’ wieħed ta’ fiduċja fil-progress tat-timijiet nazzjonali, iżda wkoll ta’ realiżmu

0
57

Minn Cristian Muscat

Il-Viċi President tal-Malta FA, Trustin Farrugia Cann, esprima sodisfazzjon għaż-żewġ rebħiet konsekuttivi tat-tim nazzjonali Malti kontra Andorra u Liechtenstein rispettivament, filwaqt li saħaq li l-għan ewlieni jibqa’ l-promozzjoni għal League C tal-UEFA Nations League.

F’intervista ma’ dan is-sit, huwa tkellem ukoll dwar il-progress tat-tim ta’ taħt id-19-il sena u l-isfidi li qed jaffaċċja t-tim ta’ taħt il-21 sena.

It-tim nazzjonali Malti jinsab għaddej minn perjodu pożittiv wara li kiseb rebħa importanti ta’ 2-1 kontra Andorra barra minn daru fil-UEFA Nations League, segwita minn suċċess ta’ 2-0 kontra Liechtenstein f’partita ta’ ħbiberija fl-Istadium Nazzjonali.

Dawn ir-riżultati komplew jibnu fuq ir-rebħa ta’ 2-0 kontra l-Ażerbajġan f’Ġunju li għadda, biex it-tim immexxi minn Emilio De Leo kiseb tliet rebħiet konsekuttivi.

Farrugia Cann iddeskriva ż-żewġ wirjiet tal-aħħar jiem bħala prestazzjonijiet reżiljenti, li fihom il-plejers Maltin urew karattru, determinazzjoni u xewqa kbira li jiksbu r-riżultat mixtieq.

“Dawn kienu żewġ wirjiet reżiljenti u żewġ riżultati importanti ħafna għalina. Kontra Andorra konna nafu li mhux se tkun partita faċli, speċjalment barra minn darna. Il-plejers urew karattru u rnexxielna niksbu rebħa importanti,” qal Farrugia Cann.

Huwa spjega li l-konfront kontra Andorra ma kien faċli xejn, partikolarment minħabba li Malta kienet qed tilgħab barra minn darha u kellha tirkupra wara li sofriet gowl kmieni fil-partita.

Madankollu, ir-reazzjoni tal-plejers kienet waħda pożittiva, bit-tim Malti jirnexxilu jdawwar ir-riżultat favurih u jikseb tliet punti importanti ħafna fil-ġlieda għall-ewwel post fil-grupp.

Ir-rebħa kontra Liechtenstein kienet ukoll sinifikanti, speċjalment minħabba li De Leo

kellu l-opportunità jagħti spazju lil diversi plejers li ma kinux bdew il-partita kontra Andorra.

Skont Farrugia Cann, dawn iż-żewġ riżultati jawguraw tajjeb għall-impenji li jmiss u għandhom ikomplu jsaħħu l-fiduċja tal-plejers Maltin.

Il-Viċi President tal-Malta FA tkellem dwar iż-żewġ partiti li jmiss fil-UEFA Nations League, li fihom Malta se tilqa’ lil Ġibiltà u Andorra f’pajjiżna.

Huwa esprima t-tama li t-tim nazzjonali jkompli jikseb riżultati pożittivi sabiex iżomm ħajjin l-ambizzjonijiet tiegħu li jispiċċa fl-ewwel post tal-grupp u jikseb il-promozzjoni għal League C.

“L-għan tagħna hu li niksbu l-promozzjoni u nemmen li għandna l-potenzjal li nilħqu dan it-tragward. Madankollu, irridu nibqgħu b’saqajna mal-art. Għandna żewġ partiti importanti ħafna f’pajjiżna kontra Ġibiltà u Andorra u nittamaw li niksbu riżultati pożittivi,” sostna Farrugia Cann.

Huwa fakkar li fil-passat it-tim nazzjonali Malti mhux dejjem irnexxielu jikseb ir-riżultati mixtieqa, iżda l-progress li qed jintwera bħalissa jagħti raġuni għal ottimiżmu.

Għaldaqstant, filwaqt li hemm fiduċja fil-kwalitajiet tal-iskwadra, huwa importanti li l-plejers jibqgħu ffukati u jaffrontaw kull partita bl-istess serjetà.

Matul l-intervista, Farrugia Cann tkellem ukoll dwar it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena, immexxi mill-kowċ Francesco Macrì.

Huwa esprima sodisfazzjon għall-wirjiet ta’ dawn iż-żgħażagħ, li kisbu żewġ rebħiet kontra Liechtenstein u taw indikazzjonijiet pożittivi dwar il-potenzjal tagħhom.

“Għandna aspettattivi tajbin ħafna minn dawn iż-żgħażagħ. Irbaħna darbtejn kontra Liechtenstein u rajna wirjiet pożittivi. Fit-tieni partita ddominajna mill-bidu sat-tmiem u dan jawgura tajjeb għall-futur,” sostna l-Viċi President tal-Malta FA.

Partikolarment fil-konfront li Malta rebħet bl-iskor ta’ 3-0, il-plejers Maltin iddominaw il-logħba mill-bidu sat-tmiem, b’wirja li fiha wrew organizzazzjoni, kwalità u determinazzjoni.

Farrugia Cann enfasizza l-importanza li dawn il-plejers ikomplu jingħataw l-opportunitajiet meħtieġa sabiex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom u jiksbu aktar esperjenza internazzjonali.

Fil-fehma tiegħu, il-progress ta’ dawn iż-żgħażagħ huwa essenzjali sabiex il-futbol Malti jkollu bażi soda għall-ġejjieni, speċjalment meta jasal il-mument li wħud minnhom jagħmlu l-pass lejn it-tim nazzjonali tal-kbar.

Is-sitwazzjoni tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena kienet suġġett ieħor diskuss matul l-intervista.

Farrugia Cann irrikonoxxa li r-riżultati mixtieqa għadhom mhux jaslu, iżda spjega li hemm diversi ċirkostanzi li jridu jiġu kkunsidrati meta wieħed jevalwa l-prestazzjonijiet ta’ dan it-tim.

“Ir-riżultati għadhom mhux jaslu, iżda rridu niftakru li diversi plejers qed jingħataw opportunitajiet mat-tim nazzjonali tal-kbar. Għandna tim ġdid taħt it-tmexxija ta’ Davide Mazzotta u rridu nkomplu naħdmu sabiex dawn iż-żgħażagħ jiżviluppaw,” qal Farrugia Cann.

Huwa semma lil Jake Azzopardi u Keyon Ewurum bħala żewġ eżempji ta’ plejers li qed jingħataw opportunitajiet mat-tim nazzjonali tal-kbar.

Din is-sitwazzjoni tfisser li Mazzotta qed jaħdem bi grupp ta’ plejers li għadu qed jinbena u li jeħtieġ iż-żmien sabiex jiżviluppa l-identità tiegħu.

Farrugia Cann sostna li, minkejja d-diffikultajiet u r-riżultati negattivi, il-ħidma trid tkompli sabiex il-plejers jiksbu l-esperjenza meħtieġa u jkomplu jagħmlu progress.

Trustin Farrugia Cann ġie elett Viċi President tal-Malta FA b’akklamazzjoni waqt il-Laqgħa Ġenerali tal-Assoċjazzjoni li saret fis-16 ta’ Ottubru 2025.

Qabel ħa din il-kariga, huwa kellu karriera ta’ 24 sena bħala uffiċjal tal-logħob, li għaxra minnhom qattagħhom fuq il-lista internazzjonali tal-FIFA.

Matul il-karriera tiegħu mexxa partiti fil-UEFA Europa League u l-UEFA Conference League, kif ukoll logħbiet ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja u l-Kampjonati Ewropej. Huwa serva wkoll bħala President tal-Malta Football Referees Association.

Illum, mill-kariga tiegħu fil-Malta FA, Farrugia Cann qed ikompli jagħti l-kontribut tiegħu lill-futbol Malti minn perspettiva differenti.

Il-messaġġ tiegħu jibqa’ wieħed ta’ fiduċja fil-progress tat-timijiet nazzjonali, iżda wkoll ta’ realiżmu. Ir-riżultati pożittivi tal-kbar u l-wirjiet inkoraġġanti taż-żgħażagħ huma sinjali tajbin, iżda l-ħidma trid tkompli sabiex l-ambizzjonijiet tal-futbol Malti jinbidlu fi tragwardi konkreti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here