Sunday, December 22, 2024

€3 miljuni f’impjant industrijali ġdid f’Ħal Far

Il-Ministru Silvio Schembri jirrimarka kif INDIS Malta qed tgħin fit-tkabbir tal-manifattura lokali għall-ħolqien t’impjiegi ġodda

Aqra wkoll

Is-settur tal-manifattura industrijali kompla jikber permezz t’investiment ieħor, din id-darba ta’ tliet miljun ewro f’impjant ġdid li jimmanifattura strutturi tal-ħadid.

Dan intqal mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt żjara li għamel, fejn segwa x-xogħol li għaddej fuq dan il-proġett ġewwa Ħal Far li sar possibbli grazzi għall-allokazzjoni ta’ medda t’art ta’ madwar 3,500 metru kwadru li INDIS Malta tat lill-kumpanija General Maintenance Ltd.

Iż-żieda fid-domanda tax-xogħol li l-kumpanija ser tkun tista’ tidħol għaliha ser twassal għall-ħolqien ta’ madwar 20 impjieg ġdid, fosthom inġiniera, designers, CNC programmers, welders u fabricators.

Dan sabiex illum il-ġurnata n-numru ta’ ħaddiema mal-kumpanija iwassal għal 50 persuna, filwaqt li ssaħħaħ ukoll in-numru ta’ service providers li jużaw min-naħa tagħhom, fatt li wkoll jista’ jiġġenera iżjed xogħol.

Il-Ministru Schembri semma’ kif dan il-proġett huwa parti mill-ħidma ta’ gvern li jrid jiżgura l-aqwa użu tal-art disponibbli għas-settur industrijali sabiex ikunu jista’ jiġi akkomodat aktar investiment.

Dan filwaqt li INDIS Malta għaddejja b’ħidma fit-titjib tal-infrastruttura taż-żoni industrijali f’Malta, fosthom f’Ħal Far.

“Impenjati sabiex noħolqu pajjiż ideali għall-investiment li jwassal għal titjib fil-kwalita’ tal-ħajja. Il-klima ta’ reżiljenza ekonomika li rnexxilna niksbu flimkien qed tiġi riflessa b’mod ċar fir-reżiljenza li qegħdin juru l-industriji Maltin. Intraprendituri ambizzjużi, mimlija kuraġġ sabiex iżommu l-vantaġġ kompetittiv tagħhom mhux biss fis-suq lokali imma anke billi jimirħu barra minn xtutna, u jikkompetu b’rashom mgħollija fil-kummerċ internazzjonali,” qal il-Ministru.

L-investiment ta’ tliet miljun ewro jkopri l-infrastruttura strutturali tal-hangar, makkinarju u apparat li jaħdem bl-awtomazzjoni, sabiex huma jtejbu l-effiċjenza u jgħollu l-kwalità tax-xogħol tagħhom mal-klijenti kollha tagħhom, kemm lokali kif ukoll dawk internazzjonali. Bil-kapaċitajiet ġodda tagħhom huma ser iservu ta’ service providers importanti biex pajjiżna jkompli jimmodernizza infrastrutturalment.

Hawn il-Ministru Schembri tkellem fuq ir-reputazzjoni b’saħħitha li bħala pajjiż irnexxielna nibnu fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali bl-industriji lokali meqjusa bħala tal-ogħla livell fl-erba’ kontinenti.  Innota kif din il-kumpanija stess, f’madwar tletin sena mit-twaqqif tagħha, illum għandha pożizzjoni tajba ħafna fis-swieq Ewropej, fosthom dak Spanjol, Franċiż u Taljan u issa qegħda għaddejja b’ħidma sabiex tespandi l-operat tagħha fl-Afrika ta’ Fuq.

Il-Ministru Schembri temm b’messaġġ ta’ kuraġġ lill-intrapendituri, “Qegħdin magħkom sabiex ngħinukom tkabbru l-operat infrastrutturali, sabiex tiftħu l-bibien għall-opportunitajiet ta’ kummerċ fuq livell internazzjonali. Bħala skambju nistennew investiment fil-ħaddiema, li huma s-sinsla tal-ekonomija Maltija.”

Id-direttur tal-kumpanija Matthew Camilleri tkellem kif b’din l-assistenza minn INDIS Malta, General Maintenance ser tkun tista’ tidħol għal iżjed xogħol u proġetti kemm lokali kif ukoll internazzjonali għaliex ser ikollha l-art u l-għodda possibli biex tkompli tibni fuq dak li diġà ħolqot, fosthom proġetti li ġew imħabbra dan l-aħħar.

Dawn il-proġetti jinkludu xogħol ta’ struttura tal-ħadid, twila 110m li ġiet użata fil-proġett tal-pont pedonali fi Blata l-Bajda, ix-xogħol ta’ high security fencing madwar il-Bomb Disposal Unit tal-Armata li tinsab fil-Forti tal-Mosta, il-pipelines tal-ħażna tal-fuel il-ġdida tal-Enemed f’Ħas Saptan, u xogħol fuq pipelines għal super yacht fi Spanja.

Ekonomija

Sport