Kolumbjan ta’ 43 sena residenti San Pawl il-Baħar kien immultat €4,000 wara li tressaq il-Qorti fejn ammetta għall-akkużi ta’ sewqan taħt l-influwenza tax-xorb.
Christian Ferrando Uricoechea Molina kien ġie mitkellem mill-Pulizija waqt roadcheck li kienet qed issir fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda, fi Triq Kennedy Drive, San Pawl il-Baħar.
Huwa kien sarlu breathalyser test fejn irriżulta li kien qiegħed isuq b’livell ta’ alkoħol ferm iżjed mil-limitu permess mil-liġi.
Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, l-imputat wieġeb ħati għall-akkużi u kien ikkundanat multa ta’ €4,000 li tista’ titħallas fi żmien tliet snin. Barra minn hekk huwa kellu l-liċenzja sospiża għal sitt xhur.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bradley Grima.


