Meta l-partiti politiċi u l-mexxejja tagħhom jitkellmu dwar il-preżent u l-futur – kif jarawhom, kif iriduhom ikunu – l-kliem sbieħ ma jonqsux. Diffiċli ma taqbilx magħhom jekk mhux ukoll issib li qed jagħmlu ħafna sens f’li jgħidu. Il-bużillis ikun meta l-affarijiet jibqgħu fil-livell tal-kliem sabiħ.
B’hekk, jibqgħu vagi. Wara li jgħaddi xi żmien, il-kliem li jkunu jfissru mod għall-bidu, jiġu jfissru mod ieħor. Hemm min jgħid li l-ħidma politika tirrekjedi l-ambigwità u l-impenji vagi biex tirnexxi. Imma allura ma teżisti l-ebda riga soda biex fuqha wieħed ikejjel kemm il-ħidma politika qed tkun effettiva f’x’tipprospetta u f’xi twettaq?
Personalment nemmen li l-investimenti publiċi jipprovduha: dak li partit mill-gvern jew mill-oppożizzjoni, iwiegħed li se jonfoq fuq investimenti f’oqsma kruċjali għall-ħajja tal-pajjiż u anke li lest jagħmel dan billi jrażżan il-konsum; u kemm filfatt, iwettaq dak li jkun wiegħed. Ta’ spiss, politikament l-esiġenzi tal-konsum jirbħu fuq kull viżjoni oħra.
IN-NEJ U L-MISJUR
Fil-ħajja polariżżata li ngħixu – u mhux f’pajjiżna biss: ara xinhu jiġri fl-Istati Uniti – jispikka metodu faċli kif tagħraf ta’ madwarek lejn liema linja jiġbdu. Bil-Malti, għandna numru ta’ metafori biex jispjegawh: fil-għażla li ssir bejn in-nej u l-misjur; jew bejn tazza nofsha vojta minflok nofsha mimlija.
Uħud isostnu li m’hemm xejn ħażin fil-polarizzazzjoni tal-fehmiet. Din tiżgura li l-ebda fehma ma tispiċċa mitqiesa bħala sagra u suprema, b’dannu għal-libertà. Il-polarizzazzjoni dejjem kienet fattur utli biex tiżgura li t-tiranija ma trabbix għerq. Imma problema oħra hi li t-tirannija titrabba wkoll internament f’kampijiet politiċi li jkunu qed jikkompetu u jippolarizzaw.
KOALIZZJONIJIET
Meta nitkellmu dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom koalizzjonijiet ta’ gvern f’sistemi parlamentari, naħsbu l-aktar dwar it-tensjonijiet li jinqalgħu bejn il-partiti msieħba fil-koalizzjoni. Il-problemi li jqumu bejniethom jattakkaw żgur l-integrità tal-gvern u jpoġġuh quddiem ir-riskju li jikkollassa.
Biss hemm aspett ieħor li ma jridx jintesa. Waqt li l-partiti fil-gvern ikollhom jagħmlu kompromessi bejniethom biex iżommu l-vapur għaddej, dawn ukoll joħolqu tensjonijiet ta’ tip differenti fost il-membri tal-partiti involuti. Jekk huma jħossu li l-partit tagħhom qed “iċedi” wisq għall-esiġenzi tal-partiti l-oħrajn – jew jekk iħossu li bid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu mill-koalizzjoni, l-partit tagħhom sejjer l-agħar fl-opinjoni publika, tista’ tkun żgur li dan se jqajjem tgemgim fost il-membri u l-mexxejja tal-partit. Mhix ħaġa faċli tippaċifikah. Jekk biex tagħmel hekk, trid terġa’ tqajjem argumenti qodma mal-partiti l-oħra fil-koalizzjoni, dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni delikata. Jikber ir-riskju li kemm fl-intern tal-partit u kemm fir-rabtiet mal-partiti l-oħra, id-diżgwid se jfur.





