Hi ħaġa li tiftiehem kif uħud minna li kellhom l-esperjenzi tagħhom fl-iżvilupp tal-politika u l-ekonomija tal-pajjiż jibqgħu xettiċi għall-aħħar quddiem il-priedki magħmula minn numru ta’ kelliema fi protesti publiċi li jsiru. Mhux dwar il-kontenut ta’ xi jgħidu favur it-trasparenza fit-tmexxija – il-kundanna ta’ kull korruzzjoni u kull abbuż tal-poter, jagħmilhom min jagħmilhom – u l-ħarsien ta’ min ma jaqbilx mal-gvern tal-ġurnata jew jirrapporta fil-medja dwar ġrajjiet xejn ifuħu li jkunu għaddejja. Jew dwar kif il-ħidma għal dawn il-prinċipji trid tmur lil hinn mill-partiġġjaniżmu politiku. Kif tista’ ma taqbilx dwar hekk?
Il-problema hi l-kredenzjali ta’ uħud minn dawk li jipproklamaw dawn il-prinċipji u jipprotestaw dwarhom. Għax donnu li l-impenn tagħhom hu staġjonali – skont min ikun fil-gvern. Kien hemm żmien, meta amministrazzjonijiet oħra kienu jmexxu l-pajjiż fejn dawn it-talin mhux biss ma fetħux ħalqhom dwar x’kien għaddej. Talli kienu mlaħħqa sew fl-istrutturi ta’ tmexxija. Issa jekk iridu jippretendu li f’dak iż-żmien ma kinux jeżistu d-dnubiet li jaħarquhom illum, affarihom. Iżda bilfors li dak li jgħidu u jagħmlu llum jintlaqa’ b’xettiċiżmu.
BEJN ĦALLTEJN
L-elezzjonijiet reġjonali ta’ dax-xahar kienu diżastrużi għall-koalizzjoni li qed tmexxi l-Ġermanja u speċjalment għall-partit ewlieni fiha, tad-demokristjani. Ammettiha l-istess kanċellier Friedrich Merz li qed jaffaċċja ċaqliq fil-partit tiegħu simili għal dak li wassal biex Keir Starmer jirriżenja minn Prim Ministru fir-Renju Unit. Minnufih wara li tħabbru r-riżultati tal-aħħar elezzjonijiet, Merz għamilha ċara li mhux se jitlaq imma se jkompli jisħaq fuq ir-riformi kbar li qiegħed jippilota. Kontrihom qamet reżistenza popolari qawwija.
Forsi Merz qed jagħmel sew jinsisti li r-riformi huma tal-akbar importanza għall-Ġermanja. Imma forsi l-alleat tiegħu, il-mexxej ta-soċjal Kristjani tal-Bavarja Markus Soder kellu wkoll punt importanti meta irrimarka li r-riformi jridu jinħassu mill-poplu mhux biss bħala meħtieġa imma li qed jiddaħħlu b’mod ġust.
IL-ĦERBA TAL-GWERRA
Għandu raġun min għandu raġun, il-gwerra tal-Ukrajna damet… qed iddum … “iżżejjed”. (Bħalikieku mhux kull gwerra ddum iżżejjed, anke jekk għal nofstanhar biss…)
L-akbar deni tagħha dejjem kien li żewġ popli etnikament u kulturalment aħwa, biex ma ngħidx tewmin, qed jitqatlu bejniethom. Hu fl-interess tat-tnejn li tinstab soluzzjoni li tirrispetta d-drittijiet taż-żewġ naħat waqt li twitti l-biżgħat u s-sospetti ta’ naħa u oħra. Il-gwerra jew operazzjoni speċjali li tinsab għaddejja se jirnexxilha teqred parti sostanzjali mill-wirt prezzjuż taċ-ċiviltà Slava li r-Russja u l-Ukrajna kienu fost l-aqwa promoturi tagħha. Minflokha se jkun tiela’ wirt ta’ mibegħda bejn iż-żewġ popli, b’dannu kbir għalihom u għall-bqija tal-Ewropa.




