Monday, August 3, 2026
Home Internazzjonali Trump jgħid li qed iwaqqaf l-attakki fuq l-Iran bil-kundizzjoni li jintlaħaq ftehim...

Trump jgħid li qed iwaqqaf l-attakki fuq l-Iran bil-kundizzjoni li jintlaħaq ftehim “malajr”

0
15

Il-President Amerikan Donald Trump qal li waqqaf l-attakki ppjanati kontra l-Iran, bil-kundizzjoni li jintlaħaq ftehim ma’ dan il-pajjiż “malajr”.

F’kitba fuq Truth Social, il-President Trump qal li ddeċieda li “jikkanċella l-attakk, sakemm ikun jista’ jintlaħaq ftehim malajr”. Qal li dan il-ftehim kien jinkludi l-ftuħ immedjat tal-Istrett ta’ Hormuz u t-tmiem tat-“theddida nukleari tal-Iran”.

Trump qal li d-deċiżjoni ttieħdet flimkien ma’ Iżrael. Din l-aħbar waslet fost rapporti fil-midja Amerikana li qed jgħidu li Washington setgħet kienet qiegħda tippjana attakki ġodda u intensi kontra l-Iran matul tmiem il-ġimgħa.

Aktar qabel, Tehran akkużat lill-Istati Uniti li kienet qed iżżid it-tensjoni fir-reġjun, u wissiet li kwalunkwe pajjiż fir-reġjun li jikkollabora ma’ Washington se jkun “maħkum mill-fjammi tal-gwerra”.

Fil-messaġġ tiegħu, Trump qal li l-Istati Uniti kienu “lesti għalkollox u ppreparati biex jaġixxu kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran, b’livelli ta’ qawwa militari li ma dehrux mit-Tieni Gwerra Dinjija”.

Madankollu, huwa qal li kien ikkanċella l-attakki wara li ġie “mitlub” mill-Iran u minn pajjiżi oħra fil-Lvant Nofsani biex “jistenna” sabiex jingħata ċans jintlaħaq ftehim.

Huwa ta x’jifhem li kien sar progress lejn ftehim, billi qal li “l-parametri ta’ ftehim ġew miftiehma”.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here