“Din il-kanzunetta tirrakkonta s-saħħa, is-sensittività u l-istejjer li ħafna nisa jġorru fis-skiet” 

- Cherylis, ir-rebbieħa tal-50 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta “Mara”

Aqra wkoll

“Għadni ma nistax nemmen li qed nikteb dan…” Kien dan il-messaġġ emozzjonanti li kitbet Cherylis fuq Facebook, ftit wara li l-kanzunetta “Mara” ġiet iddikjarata r-rebbieħa tal-50 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu.

Mument storiku għall-kantanta li mhux biss rebħet il-festival prestiġjuż tal-kanzunetta Maltija, iżda kisbet ukoll unur ieħor importanti meta ngħatat il-Premju Enzo Gusman għall-aħjar interpretazzjoni tal-istess kanzunetta.

Il-finali tal-50 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu saret fi Pjazza Teatru Rjal, fejn is-16-il kanzunetta finalista ġew akkumpanjati mill-Malta Concert Orchestra. Il-kanzunetti kienu evalwati minn ġurija professjonali flimkien ma’ ġurija popolari magħmula minn membri tal-pubbliku u membri tal-orkestra.

Il-kanzunetta “Mara”, bi kliem u mużika ta’ Corazón Mizzi, għaddiet messaġġ qawwi dwar il-mara fis-soċjetà tal-lum, il-mara bħala omm, bħala ħaddiema, bħala persuna li taffaċċja sfidi, iżda fuq kollox bħala mara b’saħħitha, sensittiva u determinata.

F’intervista li tat lil dan il-ġurnal wara din ir-rebħa, Cherylis titkellem dwar il-ferħ tagħha, il-ħidma wara din il-kanzunetta, l-isfidi li għaddiet minnhom qabel il-finali, kif ukoll il-vjaġġ twil tagħha fil-mużika.

“Din ir-rebħa ma narahiex bħala tiegħi biss. Hija rebħa tat-tim kollu li ħadem fuq din il-kanzunetta,” tgħid Cherylis.

“Grazzi kbira lil Corazón Mizzi li kitbet il-kliem u l-mużika. Din kienet kanzunetta b’messaġġ importanti ħafna u nemmen li l-fatt li n-nies laqgħuha b’dan il-mod ifisser ħafna għalina.”

Skont Cherylis, is-sigriet wara s-suċċess ta’ “Mara” kien il-verità li ġġorr magħha.

“Din il-kanzunetta tirrakkonta s-saħħa, is-sensittività u l-istejjer li ħafna nisa jġorru fis-skiet. Għalhekk meta tara li l-messaġġ wasal fil-qalb tan-nies, dak huwa l-akbar sodisfazzjon.”

Għal Cherylis, “Mara” mhijiex sempliċiment kanzunetta ta’ festival, iżda riflessjoni fuq ir-rwol importanti li għandha kull mara.

“Hija innu lejn kull mara. Turi mara reżiljenti u b’saħħitha. Mara li għandha ħafna rwoli differenti fil-ħajja tagħha u li kull wieħed minnhom għandu valur kbir.”

“Il-mara għandha rwol importanti ħafna fis-soċjetà tagħna. Hija tista’ tkun omm, mara fil-ħajja tax-xogħol, il-persuna li żżomm il-familja magħquda u dik li tagħti ħafna minnha nnifisha biex tgħin lil ħaddieħor.”

Cherylis temmen li ħafna drabi ma nagħtux biżżejjed importanza lill-istejjer personali tan-nisa.

“Naħseb li rridu niftħu tieqa lejn il-mara ta’ ġewwa fina. Kull mara għandha storja tagħha, esperjenzi tagħha u sfidi li tkun għaddiet minnhom. Din il-kanzunetta tagħti vuċi lil dawk l-istejjer.”

Minbarra r-rebħa ewlenija, Cherylis ingħatat ukoll il-Premju Enzo Gusman għall-aħjar interpretazzjoni.

Għall-kantanta dan il-premju għandu valur speċjali għaliex l-interpretazzjoni kienet waħda mill-akbar sfidi tal-kanzunetta.

“Meta tkanta kanzunetta bħal ‘Mara’ ma tistax sempliċiment tkanta n-noti. Trid tgħix il-kliem u twassal l-emozzjoni.”

“Din il-kanzunetta kienet titlob ħafna sensibilità u ħafna konnessjoni mal-messaġġ tagħha.”

Iżda l-vjaġġ lejn il-finali ma kienx faċli. Cherylis kellha taffaċċja wkoll problema serja bil-vuċi tagħha.

“Kelli perjodu fejn ma kontx tajba ħafna. Għaddejt minn erba’ ġimgħat bla vuċi u ma stajtx inkanta. Kien hemm ħafna xogħol biex nirkupra u nasal sal-finali.”

“Għalhekk din ir-rebħa għandha tifsira akbar għalija. Meta tgħaddi minn diffikultà u mbagħad tara l-ħidma tiegħek tirnexxi, is-sodisfazzjon ikun ikbar.”

Il-kantanta żiedet tgħid li kull rebħa ġġib magħha responsabbiltà ġdida biex tkompli taħdem u timxi ’l quddiem. Għaliha, l-akbar sodisfazzjon jibqa’ jkun meta kanzunetta tilħaq lill-pubbliku u tħalli impatt emozzjonali. Hija temmen li l-mużika għandha l-qawwa tgħaqqad lin-nies.

Din ma kinitx l-ewwel darba li Cherylis ħadet sehem f’L-Għanja tal-Poplu. Fil-fatt, din kienet is-sitt parteċipazzjoni tagħha fil-festival.

Il-vjaġġ tagħha beda fl-2016 u kompla fl-2018, 2019, 2024, 2025 u issa fl-2026.

“L-Għanja tal-Poplu dejjem kellha post speċjali f’qalbi. Meta nkanta bil-Malti inħossni qisni qiegħda d-dar.”

Skont Cherylis, il-lingwa Maltija tagħti possibbiltà unika lill-artist.

“Bil-Malti l-messaġġ jasal b’mod differenti. L-artikolazzjoni tkun aktar naturali u n-nies jifhmu kull kelma. Il-lingwa tagħna tagħtik l-opportunità li tmiss il-qalb tan-nies.”

L-imħabba ta’ Cherylis għall-kant bdiet minn età żgħira ħafna.

“Kelli ħames snin meta bdejt ninteressa ruħi fil-kant. Kont qed nara programm fuq it-televiżjoni u kont affaxxinata bil-kantanti.”

“Dak iż-żmien għidt lil ommi li nixtieq nitgħallem inkanta. Imbagħad bdejt il-lezzjonijiet għand Phylisienne Brincat u minn hemm qatt ma ħallejt il-palk.”

Minn dak iż-żmien il-mużika baqgħet parti integrali minn ħajjitha.

“Il-kant jagħtini ħafna serħan. Kultant anke 10 minuti nisma’ mużika jew kanzunetta jkunu biżżejjed biex jerġgħu jagħtuni enerġija.”

Fl-istess ħin, Cherylis għandha wkoll il-karriera professjonali tagħha fis-settur tad-diżabbiltà u taħdem ukoll ma’ persuni li jkunu għaddejjin minn sfidi differenti.

“Huwa bilanċ sabiħ ħafna għalija. Għandi l-ħajja professjonali tiegħi u mbagħad il-mużika li tagħtini ferħ u sodisfazzjon.”

Cherylis temmen li Malta għandha ħafna talent mużikali li kultant ma jingħatax biżżejjed spazju biex juri lilu nnifsu.

“Nemmen li hawn ħafna kantanti b’talent kbir li forsi ma jingħatawx il-prominenza li jistħoqqilhom.”

“Meta artist ikollu opportunità jitla’ fuq palk, jikber, jitgħallem u jħoss ir-reazzjoni tal-udjenza. Dawn huma esperjenzi importanti ħafna.”

Hija tħeġġeġ biex jinħolqu aktar spazji għall-artisti Maltin.

“Iktar ma jkollna opportunitajiet fejn l-artisti jistgħu jesprimu ruħhom, aktar tikber ix-xena mużikali tagħna.”

Cherylis diġà kellha esperjenzi oħra importanti, fosthom parteċipazzjonijiet f’Mużika Mużika u fil-Malta Eurovision Song Contest fl-2022 u fl-2024.

“Qatt ma ngħid li wara din ir-rebħa allura spiċċa kollox. Dejjem naħtaf kull opportunità li jkolli. Kull opportunità li tiġi u li nħoss li nista’ nagħmilha b’qalbi, se nagħtiha l-importanza tagħha.”

“Fl-aħħar mill-aħħar inħalli kollox f’idejn Alla u nara xi jġib miegħu l-futur.”

L-aħħar messaġġ tagħha huwa lil dawk kollha li għandhom ħolma fil-kant.

“Lil kull min għandu x-xewqa li jibda karriera fil-kant ngħidlu biex ma jaqtax qalbu. Il-mużika mhijiex biss kompetizzjoni jew rebħa.”

“Hemm sodisfazzjon kbir li titla’ fuq palk, tkanta kanzunetta li tkun ħdimt għaliha, tisma’ l-orkestra takkumpanjak u tara l-ħolma tiegħek issir realtà.”

“Dejjem tibqa’ titgħallem, tibqa’ tirfina lilek innifsek u żżomm saqajk mal-art.”

Sadanittant, Il-kanzunetta ‘Requiem Stradalis’ interpratata mid-duo ta’ kantawturi Lon Kirkop u Mark Cachia kklassifikat fit-tieni post. Il-kanzunetta rebħet ukoll il-premju għat-tema soċjali kif ukoll il-premju għall-kantawtur. ‘Requiem Stradalis’ titkellem fuq esperjenzi komuni li kull Malti jaffaċja ta’ kuljum fit-toroq tagħna u tiffoka l-iżjed fuq ir-relazzjoni bejn dawk li jsuqu l-muturi u l-karozzi. 

Fit-tielet post ikklassifikat il-kanzunetta ‘Ħallejna’ interpretata minn Mark Tonna u Leontine fuq kliem ta’ Rita Pace u mużika ta’ Andrew Zahra. ‘Ħallejna’ tlaqqagħna ma koppja li titkellem dwar kif il-ħajja tal-lum u nuqqas ta’ komunikazzjoni affettwat ir-relazzjoni tagħhom. Jispjegaw kif ħallew ir-rutina, ix-xogħol, is-skiet jbegħduhom, ħallew ir-rabja u l-apatija tieħu post l-imħabba, u ħallew relazzjonijiet ġodda jieħdu postha, sakemm ħallew lil xulxin. Dawn it-tnejn min-nies iħarsu lura lejn l-istorja tagħħom, b’rassenjazzjoni. Il-kanzunetta rebħet ukoll il-premju mogħti mix-xandara. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport