Għaqdiet Ambjentali li ngħaqdu flimkien fil-kampanja “Ġustizzja għal Artna” laqgħu d-dokument ta’ konsultazzjoni pubblika maħruġ mill-Ministeru tal-Ippjanar, li qed iwitti t-triq għar-riforma tant meħtieġa fis-sistema tal-appelli tal-ippjanar.
Fi stqarrija, il-kampanja “Ġustizzja għal Artna” tgħid li ilha żmien twil issejjaħ għal din ir-riforma, wara li rat kif individwi u komunitajiet qed jiġu mċaħħda mill-ġustizzja, anke wara li jkunu ġarrew il-piż li jikkontestaw deċiżjonijiet illegali tal-Awtorità tal-Ippjanar.
“Issa nittamaw li din ir-riforma mistennija titwettaq kemm jista’ jkun malajr, u li ma jiġu introdotti l-ebda tibdiliet fl-aħħar minuta biex jaġevolaw interessi b’saħħithom li jaħdmu wara l-kwinti,” tgħid l-istqarrija.
L-għaqdiet ambjentali jfakkru wkoll lill–Gvern li l-garanzija tas-sospensjoni tax-xogħlijiet matul il-proċess tal-appell hija l-minimu meħtieġ biex tiddaħħal ftit ġustizzja fis-sistema tal-ippjanar tagħna.
“Pajjiżna għadu qed jistenna ħafna riformi importanti oħra sabiex verament ikun hemm ġustizzja fl-ippjanar, inkluż li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni diżastruża tal-infurzar u s-sanzjonar tal-illegalitajiet, ir-reviżjoni tal-ħafna politiki tal-ippjanar li kienu mfassla biex jissodisfaw ir-regħba tal-iżviluppaturi, u l-ħolqien ta’ awtoritajiet u bordijiet indipendenti li mhumiex qaddejja tal-iżviluppaturi, fost oħrajn.
“Filwaqt li nistennew l-implimentazzjoni tar-riforma fl-appelli tal-ippjanar, inħarsu wkoll ’il quddiem biex nidħlu f’diskussjoni mal-Gvern dwar ir-riformi usa’ tal-ippjanar li pajjiżna għandu bżonn b’mod urġenti,” itemmu jgħidu l-għaqdiet Ambjentali li ngħaqdu flimkien fil-kampanja “Ġustizzja għal Artna”.


