F’kull pajjiż, taħt kull gvern, isiru protesti. Aktar u aktar jekk il-pajjiż ikun wieħed demokratiku. Il-protesti nfushom jagħtu xhieda tad-demokrazija, għalkemm mhumiex sinjal jew prova suffiċjenti tagħha.
Mhux kull protesta hi waħda ġenwina. Lil hinn minn dak li jintqal fil-beraħ dwar għalfejn tkun qed tinżamm, raġunijiet u mottivi ulterjuri jistgħu jkunu qed jagħtuha n-nifs. Bl-istess mod, mhux kull min jipprotesta jew jieħu sehem fi protesta jkun qed jagħmel hekk b’mod ġenwin. Imbagħad jista’ jiġri li fi protesta mhux ġenwina, uħud ikunu qed jipprotestaw b’mod ġenwin. U fi protesta ġenwina, ċittadini jistgħu jkunu qed jieħdu sehem għal raġunijiet dubjużi. B’ġenwinità nifhmu l-bixra ta’ min ikun tassew konvint li ċerti affarijiet qed isiru ħażin u tant iħoss dwar hekk, li jiddimostra u “jipprotesta” publikament dwarhom.
Awtoritajiet publiċi jistgħu jinjoraw protesti, jattakkawhom, jaddattaw imġibithom, iċedu għalihom. Deċiżjoni dwar x’għandhom jagħmlu mhijiex faċli. L-agħar żball f’demokrazija hu li kull protesta u kull protestant jitqiesu bħala mhux ġenwini.
IĊ-ĊENTRU
Sar diffiċli ma taqbilx mal-fehma dwar kif iċ-ċentru politiku fid-demokraziji tal-Punent donnu qed jisparixxi! Biżżejjed tħares lejn x’qed jiġri fil-Ġermanja, l-Italja u Franza. Iċ-ċentru tal-partiti l-kbar mix-xellug soċjal demokratiku sal-lemin demokristjan qed jinqaras dejjem aktar. Fil-Ġermanja, l-Alternattiva għall-Ġermanja (l-AFD) qed tħalli lid-demokristjani l-art f’ħafna komunitajiet. Is-soċjalisti demokratiċi dejjem jiċkienu. L-istess fi Franza fejn il-partit soċjalista li reġa’ bena Mitterrand sar qisu perpura mxarrba. Sadattant, il-fdalijiet tal-partit gollista qed jinbelgħu mill-partit ta’ Le Pen.
Qatt ma laqtuni l-partiti ċentristi jew it-tendenzi “ċentristi” fil-lemin u x-xellug. Imma jista’ jkun li s-saħħa tagħhom iddgħajfet l-aktar għax bil-partiti “tradizzjonali” jikkonċentraw kollha madwar “iċ-ċentru”, l-għażla li kienu joffru tneħħiet u l-votanti spiċċaw iduru lejn l-“estremi”.
IL-KRIŻI TAD-DIESEL
Il-prezz dejjem jogħla tad-diesel jikkostitwixxi l-aqwa theddida li nqalgħet sa issa għall-istabbiltà fil-prezzijiet mad-dinja kollha. Il-prodott jintuża bil-kbir f’sistemi li jkopru partijiet essenzjali tal-konsum u l-manifattura. Iż-żieda fil-prezz tiegħu tispiċċa b’impatt fuq firxa wiesgħa ta’ oġġetti u servizzi. Pajjiżi Ewropej jinsabu fost l-aktar milquta.
Mill-ġdid qed joħroġ fiċ-ċar kemm l-amministrazzjoni Trump telqet u baqgħet issostni linji żbaljati fil-politika tagħha li suppost maħsuba biex twassal lill-Istati Uniti lura lejn il-predominanza li kienet tagħhom. Hu minnu li l-Amerika ta’ Trump għadha ssostni rata ta’ tkabbir ekonomiku ħafna aktar minn sodisfaċenti. Imma sadattant, l-inċertezzi li l-politika Amerikana daħħlet fid-dinja qed tkabbar id-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali tal-pajjiżi mitqiesa bħala l-alleati tagħha. Forsi l-kriżi tad-diesel hi l-aqwa turija ta’ dan. Ma tawgura xejn sabiħ għall-istess Stati Uniti.




