Ilbieraħ għall-ħabta tal-11.00am, waqt li l-pulizija kienu fuq ronda fi Triq Ġulju, San Pawl il-Baħar innutaw persuna jsuq mutur b’mod negliġenti. Huwa twaqqaf, fejn irriżulta li kien qiegħed Malta b’mod irregolari.
Ir-raġel, Kolumbjan ta’ 28 sena kien infurmat li jinsab taħt arrest u ttieħed fir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ sabiex jiġu ċċekjati aktar dokumenti. Hemmhekk, il-pulizija sabu diversi qratas b’sustanzi diversi, flimkien ma’ miżien u oġġetti oħra relatati mat-traffikar ta’ droga. Mir-residenza l-pulizija elevati madwar 40 qartas mimlija bi droga suspettata kokaina, ketamina, MDMA, kif ukoll ecstasy.
Aktar tard mal-ġurnata, għall-ħabta tas-6.00pm, waqt ronda tal-pulizija fil-Marsa, il-pulizija nnutaw vettura Triq in-Nagħal, li qajmet suspett.
Ġol-vettura, il-pulizija sabu raġel ta’ 37 sena u mara ta’ 43 sena, fejn minn tfittxija li saret fil-vettura, il-pulizija elevaw madwar 56 qartas bi droga suspettata eroina, kokaina u kannabis sintetika, flimkien ma’ flus kontanti.
Il-pulizija kompliet bi tfittxija fir-residenza tar-raġel f’Ħal Qormi, fejn ġew elevati aktar oġġetti relatati mat-traffikar flimkien ma’ izjed sustanza suspettata droga u ammont ieħor ta’ flus kontanti.
Il-Kolumbjan mistenni jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Dr Anne Marie Thake LL.D. għall-ħabta tall-10.30am filwaqt li l-investigazzjonijiet b’rabta mal-arresti fil-Marsa għadhom għaddejjin.
