Il-familji u n-negozji qed jiffrankaw bejn 36% u 50% fil-kont tad-dawl 

Huwa stmat li sal-aħħar tas-sena l-Gvern ikun ħareġ €392 miljun f’sussidju għall-kont tad-dawl u fjuwils

Aqra wkoll

Familja li tikkonsma ammont medju ta’ dawl fis-sena jew 4,500 KWh qed tiffranka xejn inqas minn medja ta’ €773 fis-sena fil-kont tad-dawl grazzi għas-sussidji tal-Gvern. 

Dan ifisser li l-kont tad-dawl ta’ familja Maltija huwa madwar 51.5% inqas minn dak ta’ familja fl-Unjoni Ewropea. 

Dan jirriżulta miċ-ċifri u tqabbil ippubblikat fil-Pre-Budget Document, fis-sezzjoni li tanalizza l-effetti u n-nefqa tal-Gvern fuq sussidji biex il-prezz tal-enerġija, petrol, diesel u Heating Gas Oil jibqgħu stabbli. 

Is-sussidji fuq dawn il-prodotti mill-aktar essenzjali qed jingħataw biss f’Malta bil-prezzijiet tal-fjuwils, minn Sqallija ‘l fuq ħafna ogħla minn dawk ta’ Malta. 

Il-fatti juru illi ħanut tal-merċa (retail) li jikkonsma 20 MWh qed jiffranka medja ta’ 46.2% fil-kont tad-dawl, meta mqabbel ma’ kemm iħallsu l-ewropej. Il-kalkolu huwa li bħala medja sid ta’ ħanut qed jiffranka madwar €3,300 fis-sena. 

L-ammonti jibqgħu telgħin skont l-użu u l-kobor tal-operat, speċjalment f’każi fejn id-dawl huwa parti integrali mill-operat ta’ dak in-negozju. Fabbrika li tikkonsma 25,000 MWh – u allura li probabbilment tħaddem għexieren ta’ impjegati  –  kull sena f’dawl qed tħallas kważi €1.7 miljuni inqas. Minflok €4.7 miljun qed iħallsu ftit iktar minn €3 miljuni. 

Sid ta’ lukanda qed iħallas medja ta’ 36.3% inqas f’dawl filwaqt li uffiċċju qed iħallas 41.5% inqas. 

Sa kważi 40% inqas kull meta timla’ l-karozza

Imma s-sussidji qed jagħmlu differenza wkoll fuq il-prezz tal-petrol u diesel u allura kull meta tmur il-pompa tal-petrol biex timla’ l-karozza. 

Minflok prezzijiet fluwidi u imprevedibbli, li jinbidlu fl-aħħar ta’ kull xahar Gvern Laburista daħħal stabbilitá li tfisser ukoll prezz ħafna irħas. Fuq id-diesel biss, il-Maltin u l-Għawdxin qed iħallsu medja ta’ 79ċ inqas għal kull litru mis-sewwieqa Ewropej. 

Minflok medja ta’ €2 (fi Sqallija kien €2.34ċ din il-ġimgħa!) id-diesel f’Malta huwa ta €1.21 kull litru. 

L-istess roħs fil-petrol. 

Minflok medja ta’ €1.94 fl-Unjoni Ewropea, is-sewwieqa Maltin qed iħallsu €1.34 – jew 60ċ inqas. 

Sors mill-Gvern li tkellem mat-Torċa qal illi meta wieħed jara dawn il-figuri jifhem aħjar għaliex il-Ministru tal-Finanzi uża il-kelma ‘katastrofi’, meta ddeskriva s-sitwazzjoni kieku kellhom jitneħħew is-sussidji.

“Iva, katastrofi għax min qalilna biex inneħħu s-sussidji jew li s-sussidji huma short-lived ma jafx x’inhu jgħid. L-effett huwa kbir – kif jixhdu dawn in-numri. Qed ngħidu li familja b’żewġ karozzi – f’kont u fjuwils qed jiffrankaw €2,000,” sostna dan is-sors. “Issa jekk dawk l-medja ta’ €2,000 teħodhom minflok tagħtihom, x’ikun ifisser? Ikun ifisser familja li tonqos milli tagħmel kapriċċ jew tnejn, familja li tnaqqas mill-ħruġ jew familja li ma ssifirx. Ifisser kwalità ta’ ħajja inqas milli kellha!”

Kompla jgħid li minkejja li l-fokus huwa fuq il-familji, “għandek negozji u fabbriki li jiddependu mill-enerġija għall-operat tagħhom u allura il-konsum tagħhom ikun għoli. Qed nitkellmu dwar eluf kbar jekk mhux miljuni kbar aktar f’kontijiet tad-dawl kieku bħala Gvern kellna nirraġunaw, la għola minn barra jogħla hawn. Kif – ironikament – kien hemm min argumenta.” 

Investiment ta’ miljuni f’sussidji

Il-Gvern investa miljuni f’dawn is-sussidji sabiex ikunu protetti mid-daqqa tal-prezzijiet tal-enerġija l-familji, in-negozji u l-industrija. 

Din is-sena biss huwa stmat li l-Gvern se jkun qed joħroġ total ta’ €390 miljun, maqsumin hekk: €290 miljun f’sussidji tad-dawl, €85 miljun f’sussidji tal-fjuwil u €16.7 miljun f’sussidju tal-gass. 

Dan ifisser illi mill-2022, din is-sena kienet l-aktar waħda li fiha l-Gvern ħareġ flus f’sussidji – riflessjoni tal-fatt li l-prezz taż-żejt kien wieħed volatili u laħaq prezzijiet rekord bl-inkwiet fil-Lvant Nofsani u l-għeluq tal-istrett ta’ Hormuz. 

Huwa stmat li n-nefqa tas-sussidji din is-sena se tkun 1.4% tal-Prodott Gross Domestiku. 

€400 miljun oħra għall-2027 u €75 miljun investiment fl-infrastruttura tad-dawl

Għas-sena 2027, is-sussidji huma stmati li ser jilħqu mal-€400 miljun oħra. Ma’ dawn wieħed irid iżid ukoll €75 miljun f’investiment fl-infrastruttura tal-enerġija. Dan ħabbru l-Ministru Tal-Finanzi Clyde Caruana, waqt it-tnedija tad-dokument ta’ qabel il-Budget għas-sena 2027.

“Fi ftit xhur, il-prezzijiet tal-enerġija għolew b’mod mill-iktar sinifikanti. Iżda f’pajjiżna l-prezzijiet tal-fjuwils, tal-elettriku u tal-gass ma raw ebda bidla. L-ebda pajjiż mhu jagħmel dak li qed nagħmlu aħna. Malta huwa l-uniku pajjiż li baqa’ jipproteġi lill-familji u lin-negozji minn dawn il-piżijiet kbar.”

Il-Ministru Caruana qabbel il-prezzijiet tal-fjuwils f’pajjiżna mal-eqreb pajjiż ta’ Malta, Sqallija. Huwa spjega li għalkemm dan il-pajjiż huwa tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod minna, il-prezz tad-diesel huwa kważi d-doppju tal-prezz f’Malta, filwaqt li l-prezz tal-petrol huwa 60% iktar minn dak f’Malta. 

“Fl-aħħar ħames snin, dan il-Gvern nefaq xejn inqas minn €1.35 biljun f’sussidji fuq l-enerġija. Qed nagħmlu dan kollu għaliex konna bil-għaqal u l-finanzi ta’ pajjiżna huma b’saħħithom. Li kieku l-finanzi tal-pajjiż mhumiex b’saħħithom, m’aħniex f’pożizzjoni li nagħtu din l-għajnuna kollha.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport