Ilu jintqal li hemm bżonn ta’ xi riforma f’kif titħaddem. Imma r-regola prattikament għadha kif kienet sa minn qabel il-kriżi tal-ewro tas-snin 2008-2012.
Hi maħsuba biex iżżomm iż-żona tal-ewro f’għaqda sostenibbli fl-assenza ta’ baġit “federali” wieħed, kif għandu kull territorju dotat bil-munita tiegħu. L-istati taż-żona ewro kollha għandhom gvernijiet li jmexxu baġit sostanzjali tal-pajjiż. Jekk jitilqu għal rashom b’kif jonfqu f’dawn il-baġits, malajr jiżbilanċjaw il-munita li hi tagħhom ilkoll. Għalhekk daħħlu regoli tassattivi għalihom ilkoll dwar kif imexxu l-baġits nazzjonali.
Regola ewlenija hi li ma jonfqux b’tali mod li joħolqu ħofra finanzjarja fil-bagit li tkun ogħla minn 3 fil-mija ta’ kemm tkun kbira l-ekonomija tal-pajjiż. Ir-regola hi maħsuba biex trażżan in-nefqa. Imma ma tagħmilx distinzjoni bejn nefqa ta’ konsum u nefqa ta’ investiment. Biex josserva xi tgħid ir-regola, gvern wara l-ieħor matul is-snin baqa’ jippreferi jnaqqas l-ispiża kapitali u jonfoq aktar fuq il-konsum.
RAPPORT
Mhux soltu li r-rapport annwali tal-Fond Monetarju Internazzjonali jinħass daqstant ċass daqs dak għas-sena 2026. Donnu tħejja bħala inventarju ta’ xintqal u x’għadu qed jintqal matul din is-sena dwar iċ-ċaqliq ekonomiku tal-aħħar żminijiet. Ma tinsilitx stampa waħda ċara ta’ lejn fejn sejrin.
Jista’ jkun li dan hu l-każ minħabba li żdiedu sew l-inizjattivi meħuda minn mexxejja ta’ stati kbar u żgħar li huma arbitrarji u ta’ natura politika. Anke meta l-bażi tagħhom tkun ekonomika jew kummerċjali, l-animu warajhom jinħass bħala strettament politiku. L-atti u t-theddid ta’ gwerra… ir-riżorsi li jiġu akkapparrati biex jintużaw bħala għodda ta’ poter… saru n-normi l-ġodda. Il-Fond Monetarju Internazzjonali mhux attrezzat biex idaħħal dawn il-fatturi fil-kalkoli tiegħu… għalkemm faħħar ir-“reżiljenza” li qed tintwera fl-ekonomija dinjija quddiem żviluppi li mhumiex “tas-soltu”…
SIGURTÀ KIBERNETIKA
Anqas minn ħames snin ilu, fil-Parlament Ewropew bħala rapporteur għas-soċjalisti ma’ dawk tal-gruppi politiċi l-oħra, kont għaddej f’ħidma intensiva biex indaħħlu liġi ta’ ħarsien effettiv fil-mod kif banek u istitutzzjonijiet Ewropej imexxu l-ħidma elettronika tagħhom. Din tkopri l-pagamenti li jagħmlu, l-fondi li jirċievu u jamministraw, u l-modi kif jingaġġaw u jissorveljaw kuntratturi li jiħdulhom ħsieb l-operat elettroniku tagħhom.
Imlaqqma DORA, il-liġi li ħdimna fuqha b’konsultazzjonijiet wiesgħa ma’ banek u ditti speċjaliżżati fid-dinja tal-internet, kellha tipprovdi sigurtà kibernetika mill-aqwa. Ħafna kkritikawha li kienet qed tkun wisq severa. Dak iż-żmien, it-tħassib dwar l-intelliġenza artifiċjali kien għadu fil-bidu. Illum, minn dak li naqra u nisma’ dwarha, wisq nibża’ li ħafna minn dak li tħabatna biex indaħħlu f’DORA diġà sar antikalja fjakka.




