Erba’ persuni tilfu ħajjithom wara li ħelikopter li kienu fuqu ġġarraf f’raħal żgħir 50 km ’il bogħod minn Montreal, il-Kanada. Dan l-inċident kien ikkonfermat mill-pulizija provinċjali ta’ Quebec.
Is-servizzi ta’ emerġenza ta’ Montreal ġew imsejħa f’Sainte-Brigide-d’Iberville ftit wara s-2.30 tas-Sibt wara nofsinhar, fejn sabu l-ħelikopter privat vampa nar. Huma kkonfermaw il-mewt tal-persuni kollha li kienu abbord. Il-vittmi għadhom ma ġewx identifikati.
L-investigazzjoni dwar il-kraxx qed titmexxa mit-Taqsima tar-Reati Serji (Major Crime Unit) tas-Sûreté du Québec, b’kollaborazzjoni ma’ tekniċi forensiċi u investigaturi mit-Transportation Safety Board tal-Kanada.
Il-pulizija ġew infurmati permezz ta’ sejħa ta’ emerġenza dwar ħelikopter li kien qed jiffaċċja diffikultajiet u li seta’ ġġarraf u ħa n-nar.
Ħin wara l-wasla tagħhom fuq il-post, is-servizzi tal-emerġenza kkontrollaw in-nar għalkemm l-uffiċjali kienu għadhom qed jaħdmu fuq il-post tal-inċident ftit qabel l-għaxra ta’ filgħaxija ħin lokali.




