Tuesday, September 29, 2026
Home Fehmietna IR-RISPETT LEJN L-ANZJANI 

IR-RISPETT LEJN L-ANZJANI 

0
75

L-anzjani huma faxxa tal-popolazzjoni Maltija li jistħoqqilha kull rispett. Dan għaliex ma rridux ninsew il-kontribut tagħhom biex pajjiżna wasal fejn jinsab illum. Għalhekk dawn għandu jkollhom il-kura kollha, l-għajnuna u attenzjoni kontinwa sabiex ikunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża u attiva fil-komunità fejn jgħixu.

Dan il-fatt, il-Gvern jirrikonoxxih tant li qiegħed jaħdem sabiex jagħti kull opportunità lill-anzjani jkomplu jgħixu mhux biss komdi, imma wkoll billi jiġu mħajra jibqgħu attivi bil-għan li ħajjithom tkun aktar sana u ta’ kwalità. Dan kollu huwa saħansitra rifless fil-fatt li l-Gvern ħoloq Segretarjat Parlamentari ddedikat għall-Anzjanità Attiva. F’dan il-kuntest, is-servizzi provduti mill-Istat qed ikunu ta’ natura aktar qrib tal-anzjani.

Minbarra dan, tajjeb ninnutaw li f’dawn l-aħħar snin, il-pensjoni tal-anzjani baqgħet tiżdied kull sena u dan minbarra benefiċċji oħra li jkabbru d-dinjità ta’ dawn in-nies fl-età avvanzata tagħhom. Għalhekk, din il-faxxa tas-soċjetà tibqa’ kruċjali u essenzjali biex il-ġenerazzjonijiet tal-lum u dawk li għad iridu jiġu jitgħallmu mill-esperjenzi u l-għerf tal-anzjani tagħna.

Illum l-apprezzament lejn l-anzjani tista’ tgħid li għandu għeruq fil-pajjiżi kollha avvanzati. Dan huwa kkonfermat mill-Ġnus Magħquda stess li ddedikat il-jum tal-1 t’Ottubru bħala l-Jum Internazzjonali tal-Anzjani. Dan għandu jiġi kkunsidrat ukoll fil-kuntest tal-bidliet demografiċi li qed iseħħu f’diversi pajjiżi fejn in-nies qed jgħixu aktar.

Sadanittant, l-anzjanità attiva, minbarra l-benefiċċji li toffri direttament lill-anzjani, isservi wkoll sabiex l-Istat jiffranka parti mill-ispiża dedikata għall-kura tal-anzjani. 

Sinjali ta’ kemm dan is-settur huwa ta’ prijorità se jkunu qegħdin jingħataw ukoll fil-Budget 2027 li se jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn 26 t’Ottubru li ġej fejn mistenni li jerġa’ jkun budget ieħor soċjali li minnu jgawdu l-faxex kollha tas-soċjetà b’mod speċjali dawk f’età avvanzata. Fl-aħħar mill-aħħar, ix-xjuħija mhijiex xi diżunur imma r-rispett lejn lejha huwa kejl li jimmarka kemm pajjiż ikun avvanza soċjalment. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here