Friday, November 27, 2026
Home Fehmietna RETORIKA LI L-PN MHU SE TWASSLU MKIEN

RETORIKA LI L-PN MHU SE TWASSLU MKIEN

0
40

Bħalissa fil-Parlament għaddejja d-diskussjoni dwar l-estimi tal-Budget 2027. Ftit tal-jiem ilu kienu diskussi l-voti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Id-diskussjoni dwar dan serviet biex ħareġ il-kuntrast kbir li hemm bejn l-argumenti tal-Gvern u dawk tal-Oppożizzjoni, b’dawn tal-aħħar ikunu mibnija fuq l-istess retorika li ilu għaddej biha l-Partit Nazzjonalista. Dan ifisser ukoll li dawn ma kellhomx argumenti b’saħħithom biżżejjed li bihom setgħu jagħmlu kritika qawwija għall-miżuri tal-Budget. 

Kif ġie nnutat mill-Prim Ministru Robert Abela fit-tweġiba tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni ma lissen l-ebda kelma dwar is-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils, li għas-sena d-dieħla mistennija jlħaqqu l-€400 miljun. Imma l-Kap tal-Oppożizzjoni għażel li jibbaża parti sew mid-diskors tiegħu fuq rapport li sar tmien snin ilu dwar il-popolazzjoni u kif ukoll fuq l-ispiża li saret biex il-Prim Ministru u delegazzjoni Maltija attendew għall-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fi New York. Bħal donnu dawn kienu l-elementi kruċjali tal-Budget. 

Id-diskussjoni fil-Parlament dwar il-Budget tat prova oħra li jgħaddi kemm jgħaddi żmien, il-PN għadu mhux ta’ livell li jirrappreżenta Gvern alternattiv. Dan ngħiduh b’dispjaċir għaliex pajjiżna jixraqlu Oppożizzjoni b’saħħitha, u kif ukoll għat-tisħiħ tad-demokrazija. 

L-Oppożizzjoni għandha rwol kostituzzjonali li jitfa’ fuqha l-obbligu li mhux biss tissorvelja l-operat tal-Gvern imma wkoll tressaq kritika kostruttiva u tipproponi soluzzjonijiet għall-isfidi u l-problemi li jinqalgħu minn żmien għal żmien. Għalhekk ma tistax tibqa’ għaddejja bl-istess retorika li mhu qed twassalha mkien. 

Min-naħa l-oħra, il-Gvern jidher li se jkompli għaddej biex iwettaq dak li wiegħed u kif ukoll ikompli l-mixja fit-triq għall-ġejjieni aħjar tal-poplu Malti u Għawdxi. U l-Budget li għadu kif tressaq għas-sena d-dieħla jirrifletti dan kollu. Bħalma jirrifletti l-valur li l-Gvern jagħti lill-qasam soċjali u t-tkabbir ekonomiku li permezz tiegħu jingħata stabbiltà u serħan il-moħħ lill-familji u n-negozji. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here