Tuesday, September 29, 2026
Home Kultura “Kollha għexna mill-baħar… batejna fuq il-baħar”

“Kollha għexna mill-baħar… batejna fuq il-baħar”

– Anġlu Ħaqqu, wieħed mill-aħħar ħaddiema fuq is-sengħa tan-nassi

0
72
Ritratti: ROGER AZZOPARDI

Niftakar snin twal ilu, mawra l-Ġnejna. Kienet bdiet nieżla ix-xita. Ħafna mill-garaxxijiet kienet magħluqin.  Ma’ min konna, is-Sir Cilia mill-Imġarr qalilna qalilna “mexxu nistkennu għandu Ħaqqu”, waqt li uriena l-garaxx tiegħu. Il-ftit tfal li konna spiċċajna f’dan il-garaxx.  Ġaraxx li kien isaħħrek tħares lejh. Qisek dħalt f’dinja oħra. 

Għadni qed narrar quddiem għajnejja qisu lbieraħ. Nases imdenlin mas-saqaf. Qasab u ħuxlief mal-art. Nassa qiegħda tinħadem. Mal-ħajt ammont kbir ta’ ritratti.  Bqajt inħares lejn dawk l-inkwadri ħafna minnhom magħmulin minn ritratti żgħar. Imdeffin fl-istess ritrtatti imma fuq barra, għadd imdaqqas ta’ santi ta’ persuni Imġarrin li jkunu ħallewna.  Għadda ħafna żmien mindu dħalt f’dak il-ġaraxx imma baqa’ qatt ma ħareġ minn moħħi. 

Illum il-garaxx, m’għadekx issibu miftuħ.  L-aħħar li kont hemm rajtu magħluq u minn moħħi għadda lħsieb x’ġara minn dak ir-raġel li kien jaħdem fih. 

Kif issaqsi mill-ewwel jgħidulek li “dak ta’ “Anġlu Ħaqqu”. Nistaqsi meta jkun hemm u jgħiduli “kiber illum”. Wara jgħidli  “m’għadux jiġi. Jekk trid tkellmu l-Imġarr jgħix, wara l-knisja”. “Għandu l-laqam imwaħħal mal-faċċata tad-dar”, kienu pronti qaluli.

Jgħix fl-ewwel sular… fil-garaxx t’isfel tara n-nassi imdendlin… ma tonqosx l-istatwa ta’ San Ġwann Battista patrun tax-Xewkija

Kif wasalna quddiem ir-residenza tiegħu, narawh jittawwal mit-tieqa. Ħabib tiegħu minn isfel qallu li “naħseb dawn huma Anġ. Waslu”. Jiftħilna u nitilgħu fil-lift għall-ewwel sular.

F’kamra imdaqqsa li fiha jgħix Anġlu llum, tista’ tgħid li għandu kollox. Tolqtok mill-ewwel statwa ta’ San Ġwann il-Battista, Patun tax-Xewkija u ritratt ta’ Santa Marija ta’ l-Imġarr. Magħha ritratt tal-Madonna tal-Għar li hemm fir-Rabat. Juruk id-devozzjoni li għandu Anġlu u fuq kollox ir-rabtiet max-Xewkija, għax hu oriġinarjament mix-Xewkija u l-ħajja li għamel jgħix fl-Imġarr. 

“Kollha għexna mill-baħar… il-bużnannu, in-nannu,  missieri, jien u ħija”

Anġlu hu maħbub minn kulħadd. Għalkemm mix-Xewkija, qatta ħajtu l-Imġarr. Ħajtu dejjem kienet marbuta mal-baħar. Sajd jew ħdim tan-nassi.  Magħruf bħala li hu ‘sajjied prim’. Tispikka fih it-tbissima u l-karattru ċajtier tiegħu. Ma jonqosx li kultant jużalek id-djalett Għawdxin u jkollok tistaqsieh x’inhu jgħid għax ma tifhmux. 

Jiddikjara mill-ewwel li “jien ħajti fuq il-baħar. Jien mix-Xewkija imma konna ġejna l-Imġarr u bqajt hawn. Aħna kollha għexna mill-baħar. Il-Bużnannu, in-nannu missieri u aħna. Il-baħar kien l-għixien tagħna”.  Jieqaf ftit u jgħidli “subien konna jien u hija. Jien biss għadni ħaj. Jien iż-żgħir.

“Mix-xogħol tan-nassi żarmaw ħafna nies… ma ninkwieta xejn ta’…jien x’fadalli hawn”

Nitkellmu miegħu fuq is-sengħa tal-ħdim tan-nassi. Fl-imgħoddi meta kont tmur ix-Xewkija jew ix-Xlendi u anke f’postijiet oħra Għawdxin u f’postijiet f’Malta, konta tara min jaħdem dawn in-nassi. Illum tista’ tgħid li dawn għebu għal kollox u fadal biss fit li għadhom jaħdmu dan in-nassi. 

Anġlu bla tlaqlieq jgħidli li “ħafna żarmaw minn dan ix-xogħol. Illum ftit fadal min jaħdem. It-tfal illum qegħdin jerfulu mill-baħar. Hekk illum.”

Nistaqsieh jekk dan il-fatt jinkwetahx, l-aktar meta qegħdin naraw sengħa tradizzjonali tisfuma fix-xejn. Anġlu ma jaħsibhiex darbtejn u jgħidli “ma ninkwieta xejn. Għax jien x’fadalli hawn”. U waqt li jgħid dan jibda jidħak. Ma tistax ma tinnotax li għajnejh żoroq jibdew jixgħelu meta jidħak.

U jkompli. “Imma ħut trid taqbad. Id-dinja hekk qiegħda. Mhux l-ewwel darba li morna u ma qbadniex”, jispejgalna Anġlu waqt li juri l-importanza tan-nassa għall-qbid tal-ħut. 

‘Il-Ġnejna kienet għas-sajf biss… konna nmorru nbiegħu l-ħut”

Anġlu jgħidilna li “l-Ġnejna kienet għas-sajf biss, għall-vopi.  Konna nistadu għad-denċi u ċ-ċeren. Naqbdu l-qarnit. Hekk konna. Imbagħad konna nmorru nbiegħuh u kienu jiġu ħafna jixtru ukoll.”

“Illum ma tantx iridu jitgħallmu kif jaħdmu n-nassi… ix-xogħol naqas”

Imma llum hawn min qiegħed jitgħallem din is-sengħa?  Fiż-żgħażagħ hemm interess biex jitġħallmu din is-sengħa u b’hekk ma narawhiex tmut. 

Anġlu jiddikjara mill-ewwel li “ma tantx iridu jitgħallmu llum. Sejrin lura dawn li jagħmlu n-nassi. Min iżarma minn hawn u min iżarma minn hemm. Ix-xogħol jonqos qiegħed. Jien il-garaxx tiegħi għadu l-istess.  Bin-nassi ġo fih. U jien hawn. Id-dgħajsa hemm ukoll qiegħda. Għandi disgħin neqsin ftit”.

Fil-pront jaqbeż sieħbu u jgħidlu  ‘kelma qed tgħid, jonqsok erba’ snin għad-disgħin”. Anġlu, jibda’ jidħak u jgħemżilna. “Jien ngħid li kważi għandi disgħin biex meta nasal fid-disgħin ma niħux qatgħa. Qed nippreparaw għal dakinhar”, jgħidilna Anġlu.

Il-ħajja fl-imgħoddi u llum….Anġlu x’jaħseb?

“Ħa ngħidlek, dakinhar kollox kien xorta oħra.  Jien kont għadni ħafif. Illum biex inmur x’imkien nagħmel  wegħda. Kont weġġajt ukoll. L-Imġarr inbidel ħafna. Żdiedu ħafna nies.”  Meta tistaqsieh x’jippreferi jekk hux l-Imġarr tal-imgħoddi jew l-Imġarr ta’ llum, jgħidilna li “qabel kont aħjar jien.”.

“Illum nieħu jumejn biex inlesti nassa”

“Qasab u dijsa. Dak li għandek bżonn biex tagħmel in-nasses”, jgħidli Anġlu. Nistaqiseh ‘dijsà’ x’inhi u jgħidli ‘ħalfa’. Ikompli u jgħidli “id-dijsa trid tkun ta’ barra. Illum nassa tal-vopi irrid jumejn biex nagħmilha”. Jieqaf u jħares lejja u jgħidli “għax iż-żmien ikiddek”.

Itenni li “tal-Munara fiha ħafna iżjed xogħol. In-nassa għaċ-ċawl u għall-vopi ikunu l-istess. Tal-munaqara fiha ħafna aktar xogħol għax it-toqob ikunu iżgħar u l-qasab trid tagħmlilhom il-kagħak ukoll. Dik fiha ix-xogħol.  Ġieli anki aktar minn jumejn, teħodlok”. 

Bejgħ hawn… dejjem ġejjin

Mistoqsi dwar il-bejgħ, jgħidli li “bejgħ hawn. Dejjem ġejjin. Mill-Baħrija. Xlukkajri. L-aħħar li ġew kienu mill-Baħrija. Hawn imbagħad in-nasses tal-qarnit li jkunu żgħar u hemm il-kbar tal-Arżnell. Dik trid ġimgħa magħha. 

Il-proċess biex tibda tinħadem nassa jibda billi tintagħażel qasba u jibda inaddafha u jneħħi l-ħażin u l-qxur. Wara li jnaddafha jaqsamha f’diversi xquq ta’ madwar 7 piedi tul. Minn qasba joħroġ bejn 20 u 24 xaqq. Għal nassa trid madwar 100 xaqq. 

Kull xaqq jrid jinħadem. Titqaxxar il-parti ta’ gewwa. Wara jitqaxxar għat-tond biex ikun jista’ jinħadem skont il-forma tan-nassa. In-nassa jibdiha  billi juża id-dijsa għall-qiegħ.  Id-disa tinġab mit-Tuneżija. Kien hemm żmien meta l-gvern kien jimpurtaha proprju għal dawk li jaħdmu n-nasses.  Imbagħad jorbot il-flieli mad-dijsa. Dawn jorbothom  b’ħajt magħmul mill-Keneb, ħajt minn ħaxixa li aktar ma jixxarrab aktar isir b’saħtu. Keneb. Kull nassa ikun  fiha dak li jissejjaħ il-magħlaq, li hu l-għatu. Biex il-ħut ma jaħrabx. Dan jinżamm f’postu  b’biċċtejn qasba.

Hemm diversi kliem marbut man-nassa fejn jekk nieħdu dik tal-Arżnell naraw li l-parti ta’ fuq jgħidulha ‘r-ras’. Għandek imbagħad dak li jissejjaħ Irdublin, li huma tliet xaqqijiet ftit eħxejn u li ssiebhom fuq in-naħa ta’ fuq.  Taħt għandek il-parti magħrufa bħala ‘iċ-ċirku’  u fuq ġewwa għandek ‘il-Kampa’ u “l-Bogi’. 

L-aħħar kliem ta’Anġlu Ħaqqu, kien “aħna batejna fil-baħar ta.” U bħal ma jgħid lil kulħadd, qabel sellimnielu qalilna li “meta tkunu ‘lhawn għaddu meta tridu”. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here