“Jekk ir-relazzjoni ta’ bejnek u l-vittma ma tistax taħdem, dik trid taċċettaha… tkomplix tiffittaha”

Raġel jammetti li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu

Aqra wkoll

Il-Qorti wissiet lil raġel biex ma jibqax jiffitta lill-eks sieħba tiegħu filwaqt li qaltlu li jekk ir-relazzjoni ta’ bejnu u l-vittma ma tistax taħdem, dik irid jaċċettaha.

Ir-raġel, li għandu 33 sena, tressaq ilbieraħ quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi fejn ġie mixli li ripetutament ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu u li kkaġunalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha.

Huwa kien mixli wkoll li ħebb għaliha sabiex jinġurjaha, li permezz ta’ netwerk jew apparat ta’ komunikazzjoni elettronika hedded li jagħmel xi reat u li wettaq reat waqt li kien taħt ordni ta’ probation. 

Fil-Qorti nstema’ kif nhar il-21 ta’ Settembru 2026, il-vittma kienet irrikorriet fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fl-Imtarfa biex tagħmel rapport fil-konfront tal-imputat. 

Hija semmiet kif ftit tal-jiem qabel kienu qegħdin fuq btala u nqala’ inċident separat, li mhux ta’ vjolenza domestika u b’rabta ma’ dan hemm proċeduri differenti.

Il-vittma kienet qalet lill-imputat biex jinsieha u ma jibqax jiffittaha. Hija kienet ippreżentat ammont ta’ messaġġi li allegatament kien bagħtilha l-imputat. 

F’uħud minn dawn il-messaġġi kien hemm miktub li huwa għadu jħobbha, li jixtieq jirranġaw l-affarijiet ta’ bejniethom waqt li f’oħrajn allegatament kien hemm insulti u theddid. Bil-mara tgħidlu biex ma jibqax jibagħtilha ħlief dwar it-tifla tagħhom, li għandha tliet snin. 

Hija tgħid li wara li blokkjatu, l-imputat allegatament beda jċemplilha bil-private number. Hija semmiet ukoll kif f’Lulju kien inqala’ inċident ieħor bejniethom fejn kienet weġġgħet sieqha u li allegatament kien hu li kkawżalha dawn il-ġrieħi.

Skont l-assessjar li sar fuq il-mara, irriżulta li din kienet tinsab f’periklu sever u għaldaqstant inħareġ mandat t’arrest fil-konfront tal-imputat.

Fil-Qorti, l-imputat ammetta għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu, bid-Difiża titlob li qabel tingħata s-sentenza jsir pre-sentencing report fil-konfront tiegħu. 

Sadanittant, il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, filwaqt li laqgħet ukoll it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €4,500. 

Huwa kien ordnat jiffirma l-għassa darba fil-ġimgħa filwaqt li jrid jirrisjedi għand missieru.

Il-każ ikompli f’Diċembru. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon filwaqt li l-Avukat Arthur Azzopardi deher għall-imputat. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport