Kien tlieta u ħamsin sena ilu, eżattament lejn l-aħħar ta’ Novembru tas-sena 1973 meta f’pajjiżna kienet saret żjara mill-Kurunell Libjan, Muammar Gaddafi. Proprju l-għada, f’pajjiżna seħħ avveniment ieħor meta Palestinjani ħatfu ajruplan u niżżluh f’Malta.
Rapporti imxandrin dwar iż-żjara ta’ Gaddafi f’Malta kienu qalu li “l-Kurunell Gaddafi tal-Libja, liebes l-uniformi hekk kif niżel mill-ajruplan, intlaqa’ mill-merħba kbira li l-Maltin bil-mijiet tagħhom marru biex jagħtuh. Kollox kien imħejji skond il-programm, iżda l-Kurunell nesa kollox u resaq qrib il-folol u sellmilhom bis-sinjal ta’ solidarjetà billi għaqqad il-pali ta’ idejh u xejjirhom. Iċ-ċapċip u l-għajjat ta’ ‘Viva Gaddafi’ żdied hekk kif il-President Libjan iltaqa’ mal-Prim Ministru wara l-merħba stali li ngħata mill-Gvernatur Ġenerali Sir A Mamo, il-Gwardja ta’ l-Unur u l-Banda tal-Forzi Armati.”
Din ma kinitx xi żjara li kienet ilha ippjanata u fil-fatt saret pjuttost għall-għarrieda. Ir-rapporti kienu qalu li “waqt li lbieraħ il-President Libjan kien f’ħidma diplomatika kbira f’Pariġi mal-President Franċiż Georges Pompidou, f’Malta kien hawn l-ewwel ħjiel li l-Kurunell kien ġej Malta. L-ewwel ingħata l-avviż importanti minn fuq ir-Rediffusion u l-Malta Television biex il-Gwardja ta’ l-Unur u l-Banda tal-Forzi Armati joqogħdu għal lest għal xi ordni li tista’ tingħatalhom.”
L-għada jitħabbar li inħataf ajruplan u dan tniżżel f’Malta
“Ajruplan maqbud jinżel Malta’ kien jgħid it-titlu. Ir-rapport kien qal li “l-Prim Ministru innifsu llum kellem għadd ta’ gwerilli Palestinjani li ħatfu ajruplan b’aktar minn 240 passiġġier fi sforz biex jiġu salvati ħajjithom. Fl-ajruplan, li inħataf ilbieraħ filgħaxija u niżel Malta għall-ħabta tas-6.00 ta’ filgħaxija, barra mill-gwerilli armati, kien hemm kwantità ta’ splussivi moħbijin fost il-valiġġa – splussivi lesti biex jiġu sploduti. L-ajruplan Boeing 747 tal-linja tal-Ajru Olandiża KLM niżel ‘b’miraklu’ fl-ajruport tagħna. Dan minħabba li l-mitjar għadu mhux twil biżżejjed għal Jumbo Jets. Kienet il-ħila tal-bdot li niżżlu salv. Il-Boeing inħataf minn Bejrut filgħaxija waqt titjira minn Amsterdam lejn Tokjo. Il-gwerilli sfurzaw il-bdot iniżżlu f’Damasku fis-Sirja imbagħad f’Nicosia f’Ċipru u fi Tripli l-Libja. Jingħad li l-gwerilli irċevew tweġiba pożittiva mill-Gvern Olandiż għat-talbiet tagħhom li l-Olanda twaqqaf l-għajnuna lill-emigranti Iżraeliti. Il-Jumbo Jet (Boeing 747) niżel Malta f’xi 5.55 pm wara li kien ilu jdur fl-ajru madwar Malta għal bosta sigħat wara li ttajjar minn Tripli fejn ma ħallewhx jieħu fjuwil.”
“Jien mhux lest li nobbliga lir-rappreżentant Eġiżżjan biex jitla’ fuq l-ajruplan” – Dom Mintoff
Ir-rapport ikompli jgħid li “l-ajruport ġie mdawwar f’xibka ta’ sigurtà stretta b’mijiet ta’ Pulizija u anke suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta. Kien hemm kuntatt kontinwu bejn il-gwerilli Palestinjani fuq l-ajruplan u t-Torri tal-Kontroll ta’ l-Ajruport. Mill-bidu nett kien hemm fit-Torri is-Segretarju Privat tal-Prim Ministru l-Ispiżjar Joe Camilleri. Kien hemm ukoll l-Ambaxxatur Libjan Abdussatar Thulthi. Iżda l-gwerilli iddikjaraw mal-ewwel li kienu lesti li jkellmu kull rappreżentant ta’ pajjiż barra dak tal-Libja u dan minħabba li ġew trattati ħażin fi Tripli. Fit-Torri sadanittant wasal Samir Kamel, Charge d’Affaires tal-Eġittu li beda jkellem lill-gwerilli bl-Għarbi. Wasal ukoll l-Ambaxxatur Taljan, Dr R Massa Bernucci waqt li s-sur Thulthi telaq mill-ajruport. Il-gwerilli talbu l-ewwel li jingħataw il-fjuwil u wrew li kienu lesti jħallu l-passiġġieri jinżlu kemm il-darba jitla’ flokhom is-sur Kamel.”
“Il-Prim Ministru, Dom Mintoff, tela’ l-ajruport hekk kif seta’ peress li kellu seduta tal-Parlament. Hu mar dritt fit-Torri tal-Kontroll u wara li kiseb l-informazzjoni kollha beda jkellem lill-gwerilli bl-Ingliż. Il-gwerilli talbu li toħroġ landrover bi transmitter fuqha kif ukoll bowser mimli fjuwil. Mid-diskors bejn l-ajruplan u t-Torri jidher li kien hemm xi diffikultà biex il-pipe tal-bowser jaqbad mat-tank tal-fjuwil ta’ l-ajruplan. Il-bdot, li aktarx hu Olandiż, instema’ jgħid kemm il-darba – x’qed jikkaġuna d-dewmien? Ilna ħin twil nistennew?”.
Ir-rapport ikompli jgħid li “l-gwerilli kellmu lill-Prim Ministru bl-Ingliż u indirizzawh bħala ‘Eċċellenza’. Huma baqgħu jinsistu li għandu jitla’ fuq l-ajruplan is-sur Kamel. Mintoff qalilhom li “jien mhux lest li nobbliga lis-sur Kamel biex jitla’ fuq l-ajruplan. Jekk tridu insistu miegħu intom. Huma weġbuh u qalulu biex jimponi fuq is-sur Kamel biex jitla’ iżda wara wara aċċettaw li flok is-sur Kamel kitla’ rappreżentant tal-KLM.”
“Mintoff talabhom biex iħallu l-passiġġieri jinżlu mill-ajruplan iżda huma insistew li l-ewwel jingħataw nofs il-fjuwil ta’ l-ajruplan u mbagħad jitilqu 124 passiġġieri, jiġifieri nofs li hemm. Imbagħad kellu jitla’ fuq l-ajruplan ir-rappreżentant ta’ KLM. Wara jkomplu jingħataw il-fjuwil u kif jimtela’ jħallu l-passiġġieri l-oħra jinżlu. Huma ma kinux lesti jħallu l-valiġġja titneħħa mill-ajruplan għax qalu li kien hemm għadd ta’ splussivi li setgħu jisplodu u li kien jieħu ħafna żmien biex jitneħħew l-bagalji. Hawnhekk il-Prim Ministru talab li l-ewwel jinżlu nofs il-pasisġġeri u mbagħad jingħataw nofs il-fjuwil. Il-gwerilli wieġbu li: aħna qegħdin magħfusin u inti fihimna li ma nistgħux nagħmlu hekk”. Huma komplew biex irringrazzjaw lill-poplu Malti u lill-Gvern ta’ Malta għall-appoġġ li ta’ għal liberazzjoni tal-Palestina. Lill-Prim Ministru qalulu: “aħna nafdaw fik, kull ma rridu hu l-fjuwil”.
“Waqt li kien sejjer dan id-diskors, il-gwerilli żammew magna minnhom taħdem il-ħin kollu. L-ajruplan kien mitfi fil-kabini tal-passiġġieri iżda kien hemm id-dawl fil-‘cockpit’ u d-dwal ta’ barra kienu mixgħula ukoll. Il-gwerilli armati b’sub machine guns, kienu suspettużi ħafna u kontinwament ordnaw lin-nies li kienu qed jagħtuhom il-fjuwil biex joqogħdu fid-dawl. Il-passiġġieri, li xi 150 minnhom kienu Ġappuniżi kellhom jittieħdu jgħaddu lejl fil-Lukanda Verdala.
“Kwalunkwe mossa falza nisplodu l-ajruplan’
L-għada ġie rappurtat li “l-Prim Ministru Dom Mintoff kmieni dalgħodu wassal għat-tmiem b’suċċess negozjati mat-tliet gwerilli armati Eġizzjani li ħatfu l-Boeing 747 u kkonvinċihom jitilqu l-passiġġieri qawwijin u sħaħ. Matul dawn in-negozjati bir-radju li damu sejrin il-lejl kollu, Mintoff diversi drabi pprova jnaqqas it-tensjoni billi għadda kummenti inqas serii. Il-gwerilli kemm il-darba heddew li ‘kwalunkwe mossa falza jisplodu l-ajruplan’.
“Meta tnejn minn nies wasslu l-iskala tal-passiġġieri għal ma’ l-ajruplan, ġiegħluhom jinżgħu l-ġgieget. Sadanittant ir-rappreżentant ta’ KLM kien qiegħed quddiem l-ajruplan, fid-dawl ukoll. Kien hawnhekk, li Mintoff waqaf ftit minn negozjati dwar it-tqegħdin tal-iskala ma’ l-ajruplan u talab lill-gwerilli biex iħallu lir-rappreżentant jidħol fil-land rover. Meta l-gwerilli staqsew għaliex, Mintoff wieġeb “għax qiegħed jirtgħod bil-bard u bil-biża’”. Il-gwerilli kienu suspettużi ferm u l-ħin kollu bdew iwaqqfu l-operazzjonijiet li kienu qegħdin isiru. F’ħin minnhom Mintoff qalilhom, ‘tkunux daqstant suspettużi, inkella se ndumu sena sħiħa. Jien wegħdkom is-sigurtà u se jkollkom is-sigurtà”.
“Fost il-problemi li nħolqu kien hemm il-fatt li l-iskala kienet żewġ piedi iqsar mill-bieb tal-Jumbo Jet, li qatt ma ġew Malta bħalu. Iżda għamlulu kaxxa tal-luminata biex il-passiġġieri jkunu jistgħu jinżlu. Mintoff kellu ħafna x’jagħmel biex jikkonvinċi lill-gwerilli biex iħallu tnejn minn nies joħorġu ma’ l-iskala biex ipoġġuha mal-ajruplan. Imbagħad qablu li jħalluhom basta jibqgħu isfel u li ħadd mill-irġiel ma jitla’ l-iskala meta jiftħu l-bieb. Ftit qabel ma fetħu l-bieb. Ftit qabel ma’ fetħu l-bieb il-gwerilli ħabbru li fost il-passiġġieri kien hemm sitt persuni Għarab u li kienu se jħalluhom jinżlu mat-tieni grupp. L-interpretu qal li dan għamluh biex il-gwerilli juru r-rieda tajba tagħhom li ma ridux jużaw vjolenza kontra l-passiġġieri. Għal dan il-kliem, Mintoff wieġeb li “meta jinżlu l-Għarab jien lest nagħtihom il-firma tiegħi”.
‘Qiegħed inkellmek bħal iben ta’ eks Prim Ministru’ – l-interpretu lil Dom Mintoff
“L-interpretu wieġeb li “ilni 24 siegħa sħaħ nagħmilha ta’ interpretu. Qiegħed inkellmek bħala iben ta’ eks Prim Ministru.” Mintoff wieġbu billi qallu: ‘għidli min hu missierek forsi nafu. Wara dań niltaqgħu”. L-interpretu iwieġeb li “missieri hu l-eks Prim Ministru tal-Libanu Faisal…”. Hawnhekk hu twaqqaf mill-gwerilli biex ma jkomplix jgħid aktar. “
Sadanittant tniżżlu l-ewwel grupp ta’ passiġġieri. L-ajruplan kompla jieħu l-fjuwil u wara tniżżlu l-passiġġieri l-oħra. Bejn dawn iż-żewġ episodji, tela’ fuq l-ajruplan il-Viċi President ta’ KLM, A W. Withold, li nżamm bħala rahan. Mintoff kompla biex innegozja għall-ħelsien ta’ tmien Stewardesses li kienu fuq l-ajruplan. Kien għall-ħabta tas-7.00 ta’ filgħodu meta l-ajruplan telaq.
Intant l-għada ġie rappurtat li tliet Eġizzjani li ħatfu l-ajruplan ta’ KLM ċedew fl-ajruport ta’ Dubaj.
