Meta Bonello Dupuis  ipprova jħebb għal Prim Ministru b’tazza mkissra….u qala’ daqqa ta’ ponn minn Lorry Sant

Aqra wkoll

Kien proprju bħal dan iż-żmien 46 sena ilu meta fil-Parlament inqalgħu inċidenti mhux tas-soltu, tant li kellha tinħareġ stqarrija mill-Grupp Parlamentari Laburista. Dakinhar kien ġie rrappurtat li Dr. Bonello Dupuis ipprova jħebb għall-Prim Ministru b’tazza imkissra. Wara hu spiċċa qala’ daqqa’ ta’ ponn  mill-Ministru Laburista Lorry Sant.

Dakinhar kien ġie rappurtat li: “stqarrija mill-Grupp Parlamentari Laburista llejla qalet kif ġraw l-inċidenti ta’ nhar l-Erbgħa fil-Parlament. Dwar il-każ tad-Deputat Nazzjonalista n-Nutar Ġorġ Bonello Dupuis, l-istqarrija tgħid li dan qala’ daqqa ta’ ponn milll-Ministru Lorry Sant wara li hu qabad tazza f’idejh, kissirha u pprova jmur jaħbat għall-Prim Ministru.  Din l-istqarrija kienet iffirmata mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista u ħarġet bi tweġiba għal stqarrija li ħareġ  il-Partit Nazzjonalista dwar l-istess inċidenti”.

Kien intqal li “fl-okkażjoni tas-Seduta Parlamentari ta’ nhar l-Erbgħa, klikka ta’ nies organizzata apposta minn naħa ta’ l-Oppożizzjoni ħadu posthom flimkien fuq il-bankijiet ta’ wara ta’ l-istrangers gallery. Waqt li kien dieħel il-Prim Ministru kien hemm xi ċapċip, li hu wera li ma ħax pjaċir bih.  Fl-istess waqt il-klikka Nazzjonalista bdiet tgħajjat ‘Eddie, Eddie’.  Sa hawn ma ġara xejn. Matul is-seduta meta fl-istrangers gallery kien qiegħed kun hemm interruzzjonijiet b’ċapċip u bbuwjar u waqt li l-Ispeaker beda jgħajjat għall-ordni, il-Prim Ministru għamel sinjal b’idejh lejn l-istranġers gallery biex jinżamm il-kwiet ħalli l-Kap tal-Oppożizzjoni jkun jista’ jkompli jitkellem mingħajr interruzzjonijiet.”

Ir-rapport ikompli jgħid li “minn naħa tal-klikka Nazzjonalista mhux talli ma tawx widen għal dak li beda jgħidilhom il-Prim Ministru iżda talli bdew jagħmlu mossi oxxeni ta’ qtugħ ta’ l-idejn indirizzati direttament lejn l-istess Prim Ministru u membri tan-naħa tal-Gvern.  Kien hawnhekk li deputati Laburisti fosthom Joe Debono Grech, Carm Vella u oħrajn resqu  lejn l-istrangers gallery u wissewhom biex ma jibqgħux jagħmlu dawn l-oxxenitajiet.  Mhux talli dawn in-Nazzjonalisti ma kkoperawx u ma waqfux, iżda talli komplew bl-istess mossi u sfidaw lil Carm Vella biex jekk irid jitla’ jwaqqafhom hu!. Kien f’dan il-waqt li bejn partitarji taż-żewġ naħat fil-gallery inqala’ l-ġlied.   Meta raw hekk, membri tal-Gvern fosthom il-Ministry Lorry Sant, marru huma stess biex jikkalmaw is-sitwazzjoni, kif fil-fatt ġie kkonfermat mill-istess stqarrija li ħarġu l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Hawnhekk, l-Ispeaker issospenda s-Seduta u ordna biex in-nies kollha preżenti fil-gallery jintbagħtu ‘lbarra għal kwarta.”

“Billi kien hemm xi membri tla-pubbliku li baqgħu ma ħarġux, il-Prim Ministru innifsu resaq lejhom u qalilhom biex jobdu lill-Ispeaker ħalli tkun tista’ tkompli s-seduta. Il-Prim Ministru qalilhom ‘hawn jikkmanda l-Ispeaker, obdu l-ordni tiegħu’.  In-nies telqu bil-kwiet.  Waqt li s-seduta kienet għadha sospiża, il-Prim Ministru flimkien ma’ membri oħra minn naħa tal-Gvern, fosthom il-Ministru Cremona resqu lejn l-Oppożizzjoni u l-Prim Ministru akkuża lil Louis Galea li  kien hu li organizza dik il-klikka Nazzjonalista li qalgħet dak l-inkwiet fil-Parlament. Qallu li din ma kinitx l-ewwel darba li Louis Galea organizza affarijiet simili u wara li jagħmel dan dejjem ipprova jaħbi idu.  Il-Prim Ministru wissieh ukoll li jekk jiġri xi ħaġa lil xi ħadd minn naħa tal-Gvern iqis lilu bħala l-orqanizzatur u jżommu responsabbli ta’ dak li jiġri. Louis Galea dar fuq il-Prim Ministru u qallu “din theddida u l-Prim Ministru wieġbu  u qallu ‘iva, din theddida. Lilna mhux se tagħmlilna bħal m’għamilt lil Borg Olivier, minn taħt tagħmel mod u fid-deher tagħmel mod ieħor”.

“Fl-Aġġornament, il-Ministru Wistin Abela poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li juri li anke minn naħa tal-membri tal-Oppożizzjoni jgħidu lill-Ministru lil min jixtiequ li jingħata telefon.  Minn naħa tal-Oppożizzjoni fosthom il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni stess – Dr Fenech Adami,  u membri oħra bdew jinsulentaw lill-Ministru Wistin Abela u lill-Gvern. Fuq din il-provokazzjoni, il-membri Parlamentari Laburisti resqu biex jaħbtu għal xi membri Parlamentari Nazzjonalisti.  Il-Prim Ministru ħareġ biex iferraq.  Minn naħa ta’ l-Oppozizzjoni ħarġu ukoll biex iferrqu it-tabib Jimmy Farrugia u n-Nutar Bonello Dupuis. Dawn it-tlieta kien każi irnexxielhom iġibu l-kwiet, meta f’daqqa waħda minn naħa ta’ l-Oppożizzjoni imbuttaw lit-tabib Jimmy Farrugia u lil Bonello Dupuis fuq il-Prim Ministru u l-Prim Ministru l-ewwel imbotta lil Jimmy Farrugia sal-bankijiet ta’ l-Oppożizzjoni imbagħad lil Bonello Dupuis bl-istess mod u ma rahx aktar.  Iżda lil Bonello Dupuis rawh membri Parlamentari Laburisti jaqbad tazza f’idejh ikisssirha u jipprova jmur jaħbat għall-Prim Ministru. Kien hawn fejn in-nutar Bonello Dupuis qala’ daqqa ta’ ponn mingħand il-Ministru Sant biex ma jħallihx jagħti bit-tazza mkissra”, temm jgħid ir-rapport.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport