Sunday, November 29, 2026
Home Fehmietna L-indifferenza għal dak li qed jiġri f’Gaża….għaliex?

L-indifferenza għal dak li qed jiġri f’Gaża….għaliex?

0
33

75,000 persuna. Dan hu l-ammont ta’ persuni li nqatlu f’Gaża mindu beda l-kunflitt minn Ottubru tas-sena 2023 sa l-aħħar jiem.  Fost dawn hemm 22,000  tifel u tifla li tilfu ħajjithom mill-attakki Iżraeljani, 12,500 mara u hemm 177,000 persuni midrubin. Ma’ dan hemm is-sitwazzjoni ta’ tensjoni, inċertezza, ansjetà u tbatija kbira li qiegħed jgħix il-poplu Palestinjan f’Gaża. Jgħixu f’tined,  f’kundizzjonijiet mill-agħar. Familji li jqumu filgġħodu u ma jafux jekk hux se ssib ikel għat-tfal tagħhom. Ma jafux  jekk hux se jkollok ilma nadif. Ma jafux jekk it-tinda hix se tiflaħ għax-xita. Ma tafx jekk xi attakk hux se jerġa’ jseħħ. U fuq kollox, ma tafx meta se terġa’ jkollok dar, xogħol, skola u ħajja normali.

Dan hu dak li jesperjenzaw kuljum il-Palestinjani f’Gaża. Xhur ilu smajna bis-suppost waqfien mill-attakki. Waqfien li seħħ prattikament meta Gaża saret borġ ġebel. Imma minkejja dan l-attakki baqgħu, għalkemm naqsu fl-intensità. Minn dakinhar ‘lhawn id-dinja kompliet iddawwar wiċċha banda oħra. Tinjora dak li għaddej.

Hu ċar ħafna illum li mindu tħabbar il-waqfien mill-attakki, sena u xahar ilu, il-qtil ta’ persuni innoċenti f’Gaża naqas. Ma jfissirx imma li l-qtil waqaf. Il-qtil ta’ l-innoċenti minn attakki baqa’ għaddej, għax għalkemm l-intensità tal-attakki naqsu, xorta baqgħu iseħħu.  

Proprju ftit jiem ilu. Wieħed  mill-ftit sptarijiet li tista’ tgħid li għadhom jiffunżjonaw b’xi mod, intlaqat f’attakk u  fih inqatlu sitt persuni u ndarbu 28 oħra. Dan ien l-ewwel attakk fuq sptar mindu tħabbar il-waqfien tal-attakki. Iżda dan ma kienx każ iżolat. Minn meta ġie ddikjarat il-waqfien mill-attakki Iżraeljan, mietu medja ta’ madwar erba’ Palestinjani kuljum.

U dejjem nisimgħu l-istess skuża meta xi faċilità tas-saħħa jew sptar jispiċċaw attakkati. Jgħidu li kien hemm xi membru tal-Hamas. Il-mistoqsija hi ċara ħafna:  allurra l-Hamas kienu f’kull dar u f’kull bini f’Gaża, għax illum ma fadal xejn f’Gaża ħlief bini borġ ġebel. 

Illum ħafna aktar Palestinjani qed imutu minħabba l-gwerra. B’aktar minn erbgħa minn kull ħames binjiet f’Gaża meqruda, il-maltempati u l-kesħa qed ikollhom konsegwenzi fatali. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, mietu mill-inqas erbat itfal u mara waħda. In-Nazzjonijiet Uniti tgħid li 940,000 persuna jinsabu f’xelters f’żoni li jinsabu f’riskju ta’ għargħar. Id-drenaġġ qed joħroġ u jinfirex fit-tined. Minħabba d-disperazzjoni, il-familji qed jirriskjaw li jirritornaw lejn djarhom meqruda, uħud minnhom qed imutu meta l-binjiet jiġġarrfu.

Li jiskantak f’din is-sitwazzjoni kollha u hawn ma tistax ma tistaqsix fejn huma l-pajjiżi l-oħra madwar id-dinja, hi dik li anke biex tidħol għajnuna umanitarja, jinqalgħu l-intoppi u l-problemi. Anki biex jitdħlu materji importanti biex jipproteġu lin-nies, isibu r-restrizzjonijiet. Smajna fl-aħħar u dan qalitu in-Nazzjonijiet Uniti li Iżrael kien qed jimblokka 150,000 tinda li huma lesti biex jintużaw, flimkien ma’ oġġetti oħra tant meħtieġa.  Il-mistqosija tagħna hi ċara. Għalfejn jibqa’ l-imblokk ta’ għajnuina umanitarja? Għalfejn għajnuna umanitarja tibqa’ ssib ostakli u reżistenza biex tidħol?

U hawn iqum punt ieħor. Meta se tibda ir-rikostruzzjoni mill-ġdid ta’ Gaża? Meta dawn il-Palestinjani li intortament tilfu djarhom, se jerġa’ jkollhom saqaf fuq rashom?  Meta se jerġgħu jibdew jgħixu ħajjithom?  Meta se jitħallew jgħixu fil-paċi?

Lil hinn minn Gaża. għandna gvernijiet siktin. Gvernijiet li qegħdin idawwru wiċċhom banda oħra, qisu għalihom f’Gaża issa hemm sitwazzjoni normali.  Il-popli ma jaħsbuhiex hekk. Qegħdin naraw protesti kontinwi fi bliet Ewropej. Qegħdin naraw azzjonijeit industirjali bħal dik tal-portijiet Ewropej, kontra bastimenti li qegħdin jibqgħu jwasslu armamenti jew komponenti tagħhom lejn Izrael.

L-opinjoni tal-poplu llum hi ċara. Rajna r-riżultat fl-Istati Uniti. Stħarriħ tal-opinjoni pubblika wera kif madwar tlieta minn kull għaxar persuni fl-Istati Uniti issa jemmnu li Iżrael wettaq ġenoċidju kontra l-Palestinjani. Quddiem dan, l-ebda Gven m’għandu jibqa’ sieket. L-ebda gvern m’għandu jħalli l-portijiet tiegħu jintużaw biex bastimenti li qegħdin iġorru armamenti jew komponenti tagħhom jidħlu fihom.  Il-Gvernijiet fosthom l-Unjoni Ewropea għandhom opportunità ġdida biex jagħmlu pressjoni favur il-bidla. Għandhom jużaw mhux biss il-kliem iżda wkoll l-azzjonijiet.

L-Unjoni Ewropea u l-gvernijiet ma jistgħux jibqgħu passivi. Hemm bżonn li tiżdied il-pressjoni.  Dan biex ikun żgurat li l-Palestinjani jkunu jistgħu jgħixu f’din ix-xitwa li ġejja u li  finalment ikollhom futur f’pajjiżhom fil-paċi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here