“L-għajnuna li wieħed jista’ jagħti lil ħaddieħor hija ġest onorabbli u kien b’dan is-sentiment li bdejt nimmilita fil-General Workers’ Union, l-ewwel bħala shopsteward u aktar tard bħala Assistent Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, kariga li bqajt fiha sakemm inħtart segretarju ta’ din it-taqsima ġdida.”
Dan is-sentiment stqarru Lawrence Bugeja, is-Segretarju tat-taqsima ġdida li l-GWU welldet fi ħdanha u semmietha Taqsima Saħħa. Il-GWU waslet għal din id-deċiżjoni li tifred is-Saħħa mill-kumplament tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi billi s-settur tas-saħħa huwa vast u kbir u kien jistħoqqlu, anke f’dan iż-żmien ta’ sfidi, taqsima distinta għalih.
Lawrence Bugeja beda l-karriera tax-xogħol tiegħu bħala Health Assistant fl-Isptar San Luqa mnejn wara huwa ġie elevat għall-grad ta’ Nursing Aid. Wara snin f’dan il-grad għadda għal mad-Dipartiment tal-Customer Care tal-isptar.
Huwa fakkar kif l-interess tiegħu fit-trejdunjoniżmu beda wara li kien ġie avviċinat mill-GWU u mħajjar jikkontesta għal shop steward. Kien minn hemm li beda jimmilita fil-GWU u maż-żmien beda aktar jinteressa ruħu fil-ħarsien u l-protezzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.
Is-settur tas-saħħa f’pajjiżna kiber ħafna u b’mod mgħaġġel tant li llum jiġbor fih entitajiet varji bħalma huma l-isptarijiet u djar tal-anzjani kemm pubbliċi u anke privati, ċentri tas-saħħa mxerrdin fil-lokalitajiet kif ukoll is-settur tal-carers.
Bħala prijoritajiet tal-ħidma tiegħu bħala Segretarju ta’ waħda mit-Taqsimiet tal-GWU, Bugeja elenka fuq kollox l-assigurazzjoni li kull ħaddiem fis-settur tas-saħħa jkun rispettat, ikollu pagi ġusti u jgawdi minn kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa u dinjitużi.
Dawn ilkoll flimkien mal-opportunitajiet li kulħadd għandu jkollu biex ikompli jiżviluppa mhux biss il-personalità tiegħu imma wkoll li jkompli miexi ’l quddiem fil-professjoni tiegħu. Dan ukoll sabiex il-pazjent ikun jista’ jingħata servizz eċċellenti fl-entitajiet tal-gvern u anke fil-komunità.
Bugeja rrefera wkoll għall-ħidma li wettqet il-GWU biex il-ħaddiema li jagħmlu xogħol tal-istess valur ikollhom pagi ndaqs. Fakkar kif bis-saħħa tal-union, il-carers tal-kuntrattur ġew affettwati pożittivament minn din il-ħidma. Huwa qal li l-ħidma tiegħu se tkompli tkun iffokata fuq din id-direzzjoni.
Waqt li qal li x-xogħol ta’ Segretarju huwa impenjattiv ferm, b’danakollu, huwa mhux se jieqaf milli jkompli jżur lill-membri tat-Taqsima tiegħu fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom. F’dan il-kuntest, huwa wera l-fiduċja li x-shop stewards, fis-setturi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, ikomplu bil-ħidma tagħhom li tfisser ukoll għajnuna lit-Taqsima b’mod ġenerali.
Bħala ħidma partikolari tat-Taqsima, huwa enfasizza l-importanza tal-informazzjoni fosthom fejn jidħlu l-ħaddiema barranin sabiex dawn ikunu informati aktar dwar x’benefiċċji ġġibilhom il-union ladarba jsiru membri tagħha.
Bugeja temm jenfasizza l-prinċipju illi fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa. U għalhekk il-ħaddiema jaqblilhom li jkunu membri tal-union.
Fil-ġimgħat li ġejjin se titlaqqa’ l-Konferenza Ġenerali Straordinarja tat-Taqsima, li matulha mistennija tiġi kkonfermata uffiċjalment il-ħatra ta’ Lawrence Bugeja bħala Segretarju tat-Taqsima Saħħa fi ħdan il-GWU.
